Thursday, December 26, 2024

Bis-saħħa ta’ Puttinu u t-tobba, irnexxielha tibni familja u ssir omm

Aqra wkoll

“Kelli 12-il sena u llum grazzi għall-mibki Dr Calvagna, l-infermiera u Puttinu għandi 33 sena. Għandi l-familja tiegħi u omm ta’ tifla ta’ disa’ snin,” spjegat b’apprezzament eks pazjenta li bbenefikat mill-għajnuna ta’ Puttinu Cares.

F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu, hija kompliet tispjega li 20 sena ilu, minkejja li Puttinu bħala NGO kienet għadha fil-bidu tagħha, f’dak iż-żmien tant diffiċli għaliha u għal dawk ta’ madwarha sabu s-sapport meħtieġ: “Ma kien żmien faċli xejn. Min kellu jgħidli li wara li dak li suppost kellu jkun ‘xejn gravi’ spiċċa ġegħelni mmur nordna parrokka għax kien se jaqagħli xagħri?”

Sfortunatament, il-mard iġib miegħu ċertu limitazzjonijiet. L-istess persuna rrakkuntat li matul il-battalja tagħha kontra l-kanċer ma setgħetx tkompli tgħix ħajjitha bħal sħabha tal-età tagħha għaliex kien ikollha nuqqas ta’ enerġija. Però, “L-iktar li ħassejt meta kelli noqgħod ‘il bogħod minn ħuti u l-familjari. Kelli rabja kbira li damet is-snin biex għaddiet“.

Hija saħqet li rnexxielha tfiq grazzi għall-għajnuna li rċeviet mingħand Puttinu, filwaqt li ddeskriviet is-servizz ta’ Puttinu bħala wieħed impekkabbli hekk kif għadu preżenti f’ħajjitha sal-ġurnata tal-lum: Puttinu “xorta baqa’ jiċċekkja jekk hux kollox sew … jekk ikolli bżonn naf li għandi bieb dejjem miftuħ”.

Fi tmiem il-messaġġ tagħha, hija appellat lill-poplu sabiex ikompli jkun ġeneruż ma’ Puttinu.

Ekonomija

Sport