Monday, February 24, 2025

Bit-tim b’saħħtu li għandna nistgħu nagħtu logħba lil kulħadd – Adrian Carabott

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Adrian Carabott twieled fl-4 ta’ Jannar 1991 u llum il-ġurnata għandu 34 sena. Jilgħab ma’ Zejtun Corinthians li prattikament hu raħal twelidu. Lagħab u trabba magħhom għal diversi snin mal-Corinthians fejn kellu anke ċ-ċans jilgħab fl-ogħla diviżjoni Maltija. Deher ukoll fil-flokkijiet ta’ Valletta FC u Tarxien Rainbows fejn hemmhekk kompla jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.

Carabott hu meqjus bħala plejer versatili hekk kif apparti li kapaċi jilgħab bħala plejer f’nofs il-grawnd, mhux darba jew tnejn li l-kowċis li kellu użawh bħala winger.

Carabott kien il-captain ta’ Żejtun Corinthians li lura fil-passat kisbu l-promozzjoni mit-tieni għall-ewwel diviżjoni kif ukoll kien parti mit-tim li kien qed jilgħab fil-kampjonat Premier. L-imħabba lejn raħal twelidu hi tant kbira li riċentement il-kumitat sejħulu sabiex jiġi jilgħab u hu għalkemm okkupat bix-xogħol professjonali tiegħu, aċċetta li jagħti l-kontribut tiegħu lit-tim li bħalissa qed jilgħab fl-Amateur League 1.

Dan is-sit għamel intervista ma’ Carabott innifsu fejn kellimna dwar il-karriera tiegħu u naturalment dwar it-tim tant għal qalbu, Zejtun Corinthians.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdiet sa minn eta’ żgħira fejn kont nilgħab mal-akkademja ta’ Żejtun Corinthians li kburi ngħid li hu raħal twelidi. Kellu esperjenzi sbieħ fl-ewwel snin tiegħi nilgħab u l-isbaħ mument meta lgħabt magħhom fil-kampjonat Premier. Kelli x-xorti nilgħab ukoll ma’ Tarxien Rainbows u Valletta FC li komplew żiduli l-profil tiegħi bħala plejer.

Kellek ukoll perjodu xi ftit twil ta’ sena u nofs fejn ma kontx qed tilgħab. X’ġara eżatt?

Iva fil-fatt kelli nagħmel operazzjoni fejn domt barra għal staġun u nofs. Ma kienx żmien sabiħ għax bħal kull plejer ieħor xtaqt nilgħab iżda wieħed ikollu jieħu paċenzja. Barra minn hekk, minħabba n-natura tax-xogħol tiegħi, kelli nkompli nżid iktar iż-żmien barra. Kien il-kumitat ta’ Żejtun Corinthians li litteralment ipperswaduni biex nidħol, nagħtihom l-għajnuna u l-esperjenza tiegħi sabiex nilgħab magħhom. Bħalissa Żejtun Corinthians qed jilagħbu fl-Amateur League 1 u għalhekk hemm ħafna żgħażagħ li forsi għandhom bżonn jiġu ggwidati u mingħajr ma ridt tajt qed nagħti l-kontribut tiegħi.

X’inhuma t-tragwardi tagħhom għal dan l-istaġun bħala Zejtun Corinthians?

Naħseb li wieħed mill-objettivi tagħna bħala Zejtun Corinthians hu li nsalvaw postna fl-Amateur League 1.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Zejtun Corinthians matul dan l-istaġun sa issa?

Bħalissa qbadna triq tajba fejn irbaħna l-konfrotti diretti kollha. Biddilna xi plejers. Qeghdin grupp magħqudin. Żammejna lil-leaders draw bi plejer inqas fl-aħħar logħba.

Il-kumitat u l-kowċis qegħdin jaħdmu dejjem viċin tagħna. Nimxu logħba logħba u nilħqu t-tragward tagħna. Bit-tim b’saħħtu li għandna nistgħu nagħtu logħba lil kulħadd. Bdejna ħażin għax kellna xi plejers sospizi u jien ingħaqadt magħhom wara sena u nofs wieqaf u kienu għadhom bla punti. Issa għandna 16-il punt fil-klassifika, u fadal l-aħħar logħba għall-ewwel rawnd.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-futbol u x-xogħol?

Mhux faċli li jkollok ix-xogħol u tilgħab il-futbol. Jien nipprova nagħmel minn kollox biex nitħarreġ kemm nista’ iżda mhux faċli. Minkejja kollox, dejjem nagħti l-impenn tiegħi ma’ Żejtun tant li fl-aħħar logħba lgħabt id-90 minuta kollha u saħansitra skorjajt gowl.

Taħseb li ‘l quddiem għad narawk kowċ ġaladarba tirtira mil-logħba tal-futbol?

Ma naħsibx, ma tantx narani kowċ ta’ tim tal-futbol. Wieħed jara meta nkun se ndendel iż-żarbun tal-futbol u minn hemm nieħdu deċiżjoni.

Kif tarah il-livell tal-futbol Malti?

Fl-opinjoni tiegħi, jien narah l-istess, ma tantx rajt differenza. Hemm fejn jitjieb bla dubju speċjalment fl-Amateur League

Hemm xi gowl li tibqa’ tiftakar fil-karriera tiegħek?

Niftakar gowl li skorjajt kontra Naxxar Lions fis-semifinali kontra Żejtun tan-KO. Konna rbaħna d-double dak iż-żmien il-Corinthians.

Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom ħajra jibdew jilagħbu l-futbol.

Ovvjament importanti li wieħed jibda jilgħab il-futbol minn meta jkun għadu żgħir sabiex itejjeb il-ħiliet tiegħu kmieni. Apparti minn hekk, importanti li plejer jaspira li jilgħab barra minn xtutna għax hu hemmhekk li jista’ jkollu karriera tajba u prestiġjuża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport