Goalkeeper irrifjuta li jipprova jsalva penalty bħala protesta għad-deċiżjoni tar-referee li jordna penalty kontroversjali.
It-team Bolivjan, Atletico Independiente, kiseb rebħa ta’ 3-2 fuq ir-rivali Wilstermann Cooperativas permezz ta’ penalty skorjat tard, fil-25 minuta tal-ħin miżjud.
Id-dewmien inkredibbli kien ikkawżat mill-players li bdew jargumentaw mal-uffiċjal, Carlos Arteaga, dwar id-deċiżjoni kontroversjali tiegħu.
Il-goalkeeper ta’ Wilstermann, Gustavo Tesonotte, ingħata foul kontrih wara li r-referee sostna li kien waqqa’ attakkant waqt li dan kien qed jipprova jgħaddi minn ħdejh fil-kaxxa.
Id-deċiżjoni ċertament dehret ħarxa, peress li Tesonotte ma deherx li għamel kuntatt mal-player.
Huwa deher li kien mess il-ballun u rrabja ħafna meta ngħata l-penalty. Tesonotte u sħabu ta’ Wilstermann daru madwar Arteaga biex jipprotestaw, u l-argument kompla għal 20 minuta.
Iżda minkejja l-ilmenti, ir-referee baqa’ sod fid-deċiżjoni tiegħu u rrifjuta li jibdel fehmtu dwar il-penalty.
Tesonotte ddeċieda li jagħmel protesta waqt it-tħejjija għall-penalty u mar joqgħod fuq in-naħa tal-lemin tal-lasta.
Dan ippermetta lil Ernesto Adiri jixħet il-ballun faċilment fix-xibka mill-11-ilmetru u jagħti rebħa lit-team ospitu.
Il-Federazzjoni tal-Football Bolivjana ssospendiet lil Arteaga għal żmien indefinit mill-kompetizzjonijiet kollha fil-pajjiż.
L-inċident mhux tas-soltu seħħ fil-ħames round tas-Simon Bolivar Cup.
Il-mument kemxejn assurd ġab lura memorji tal-finali infami tal-AFCON bejn is-Senegal u l-Marokk, ukoll minħabba penalty kontroversjali.
Il-coach tas-Senegal, Pape Thiaw, mexxa lit-team tiegħu barra mill-ground bħala protesta, u l-logħba ġiet ittardjata għal madwar 17-il minuta.
Wara li eventwalment reġgħu lura fil-ground, Brahim Diaz mar biex jagħti l-penalty għall-Marokk, iżda pprova jagħmel ‘Panenka’ u fallieh.




