Il-Prim Ministru Robert Abela kellu sensiela ta’ laqgħat fi New York ma’ rappreżentanti għolja ta’ Delta Air Lines u BlackRock bħala parti mill-ħidma tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-konnettività ta’ Malta, jattira aktar investiment ta’ kwalità u joħloq opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Maltija.
Waqt laqgħa ma’ Scott Jordan, Viċi President ta’ Delta Air Lines, ġiet diskussa l-prestazzjoni tar-rotta diretta bejn New York – JFK u Malta, li bdiet topera f’Ġunju ta’ din is-sena bi tliet titjiriet fil-ġimgħa. Ir-rotta rreġistrat seat load factor medju ta’ 84% sal-21 ta’ Settembru, riżultat inkoraġġanti li jixhed id-domanda qawwija għal din il-konnessjoni diretta.
Fid-dawl ta’ din il-prestazzjoni pożittiva, il-laqgħa ffukat fuq il-possibbiltà li r-rotta tiġi estiża għall-2027. Ġiet diskussa wkoll aktar kollaborazzjoni fil-promozzjoni ta’ Malta fis-suq Amerikan. Fil-fatt, il-Prim Ministru nnota li l-konnessjoni diretta ma’ New York diġà qed tagħti valur miżjud lit-turiżmu u lin-negozju, filwaqt li tiftaħ aktar opportunitajiet ta’ konnettività mas-suq Amerikan.
F’laqgħa separata ma’ BlackRock, waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja fil-qasam tal-investment management, ġew diskussi opportunitajiet għal aktar investiment f’Malta. Il-Prim Ministru tkellem dwar il-prestazzjoni b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, l-istabbiltà tal-pajjiż u l-ħidma li qed issir biex Malta tkompli tattira investiment ta’ kwalità f’setturi strateġiċi u innovattivi.
Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru sostna li Malta trid tibqa’ sieħeb kredibbli u kompetittiv għall-investituri internazzjonali, filwaqt li l-investiment li jattira l-pajjiż għandu jkompli joħloq impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin.
“Dawn il-laqgħat jirriflettu l-ħidma kontinwa tagħna biex insaħħu l-konnettività ta’ Malta u nġibu lejn pajjiżna aktar investiment ta’ kwalità. L-għan tagħna huwa ċar. Ekonomija aktar b’saħħitha u kompetittiva li toħloq opportunitajiet aħjar għan-nies, għan-negozji u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.
