Wednesday, July 17, 2024

“Bl-involviment tagħna jista’ jkollna enerġija ġdida għal dan il-pajjiż”

Jitkellmu l-iżgħar Sindku u kunsillier eletti fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

Hekk kif fil-jiem li għaddew saru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, inkitbet l-istorja meta sar magħruf li Dale Hayman ġie elett bħala s-sindku tal-Imtarfa. Hayman għandu 20 sena u b’hekk issa huwa l-iżgħar sindku ta’ Malta.

Ħareġ ukoll li Izak Catania De Giovanni huwa l-iżgħar kunsillier f’Malta hekk kif ġie elett fil-Fgura. Huwa għandu biss 16-il sena u ġab ukoll l-aktar voti ġewwa l-Fgura proprju fl-ewwel darba li kkontesta dawn l-elezzjonijiet.

Dan irrifletta element qawwi ta’ interess miż-żgħażagħ fil-politika li tawgura tajjeb għall-futur.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Dale u Izak infushom fejn tawna l-kummenti tagħhom. Beda biex jitkellem Dale li qal li: “Hekk kif għaddew l-elezzjonijiet tal kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew, wieħed ta’ min jirrifletti dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kemm bħala kandidati kif ukoll bhala votanti.”

“Dawn l-elezzjonijiet servew sabiex aħna ż-żgħażagħ urejna li ż-żgħażagħ għadhom interessati fil-politika u rridu nkunu minn ta’ quddiem nett sabiex mhux biss nitkellmu iżda fuq kollox nixtiequ nħallu d-differenza permezz tal-viżjoni, ambizzjonijiet u ideat differenti. Permezz tal-involviment tagħna jista’ jkollna enerġija ġdida għal dan il-pajjiż u mhux b’inqas fil-politika Maltija.”

“Il-Gvern saħħaħ il-fiduċja fiz-żgħażagħ permezz tal-liġijiet ġodda fosthom il-vot 16 fejn żgħażagħ ta’ 16-il sena jistgħu jivvutaw iżda s-sena l-oħra din ġiet imġedda sabiex issa l-att dwar il-Gvern lokali jippermetti li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena ikollhom l-opportunitá sabiex jiġu eletti bħala sindki u viċi-sindki jekk jirċievu l-ogħla numru ta’ voti minn fost il-partit li jikseb il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-lokal.”

“F’dawn l-elezzjonijet ma kellniex żgħażagħ ta’ din l-etá li ġew fdati sabiex imexxu l-lokalitá iżda llum għandna l-iżgħar kunsillier fl-Istorja għal-lokalitá tal-Fgura, Izak De Giovanni li għandu 16-il sena. Din il-liġi issa għamlet lil Malta bħala l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Eewropea li fih persuni ta’ din l-etá tenera jistgħu jagħtu dan l-istess kontribut.”

“L-ideat tagħna ż-żgħażagħ huma differenti mill-ideat ta’ persuni avvanzati iktar fl-età. Għalkemm nemmen li huwa importanti li f’kull organizzazzjoni jkun hemm taħlita ta’ esperjenzi differenti għaliex filwaqt li l-ideat tagħna huma friski, l-ideat ta’ ħaddiehor għandna nużawhom sabiex nilħqu kompromess fid-deċiżjonijet li jittieħdu. Hekk ġara fil-lokalità li ngħix fiha jien – l-Imtarfa, fejn ir-residenti kellhom għażla li jagħżlu huma lil min jixtiequ jaraw ikun parti integrali għal-lokalitá ta’ Belt il-Ġmiel.”

“Illum grat li għandna kunsill b’taħlita ta’ esperjenza, magħqud, determinat u li r-residenti Imtarfin għażlu lili bħala żagħżugħ sabiex inkun is-sindku tagħhom. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil kulħadd u nħares ‘il quddiem sabiex insarraf din il-fiduċja f’iktar ħidma. Kien għalhekk li illum jien se nkun qed inservi bħala l-iżgħar sindku f’Malta fl-etá ta’ 20 sena.”

“Għamilt kampanja ta’ seba’ xhur, fejn ta’ kuljum mort għand kulħadd u smajt l-isfidi u llum kommess aktar minn qatt qabel sabiex nibdew nindirizzaw dawn l-istess sfidi. Iżda l-mixja tiegħi fil-politika bdiet erba’ snin ilu permezz tal-involviment tiegħi fil-fergħa tal-Partit Laburista bl-isem ta’ Żgħażagħ Laburisti.”

“Kienet din il-fergħa li rawmet fija l-imħabba għall-politika u għal pajjiżna waqt li niddiskutu it-temi kurrenti. F’din l-istess fergħa aħna ż-żgħażagħ nagħmlu inkoraġġiment lil xulxin u naqsmu l-ħsibijiet tagħna. lllum għandna x-xorti li l-ideat tagħna nistgħu nimplimentawhom bħalma konna aħna li mbuttajna ‘il quddiem il-liġijiet għal iktar ugwaljanza, il-liġi tal-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali u l-liġi msemmija iktar qabel.”

“Permezz ta’ din l-istess fergħa, inħoss li għandi familja oħra fi ħdan il-Partit Laburista. lllum jien mhux biss membru attiv iżda wkoll delegat. Għalhekk nappella lil żgħażagħ oħra bħali sabiex ma jaqtgħux qalbhom mill-ġejjieni tagħhom u mill-politika Maltija għax il-politika hija l-aqwa għodda sabiex wieħed itejjeb il-ħajja tan-nies.”

Tkellimna wkoll ma’ Izak Catania De Giovanni li barra l-politika jħobb il-mużika u jixtieq ikompli fil-linja tal-psikoloġija jew liġi, fejn qal li: “Huwa unur kbir li gejt elett biex nieħu ħsieb raħal daqstant sabiħ. Is-sehem tagħna ż-żgħażagħ huwa li aħna nġibu idejat ġodda kif ukoll u importanti li jkollna bilanċ.”

“Pereżempju dawk li huma anzjani fil-kunsill jagħmlu ħsieb li jkun hemm prevenzjoni ta’ kif jgħidu bl-Ingliż: ‘History not repeating itself’ li tfisser li l-ideat taż-żgħażagħ jibqgħu ‘in check’ bl-anzjani fil-kunsill. Għalhekk iż-żgħażagħ huma importanti u aktar minn hekk il-bilanċ ġewwa l-politika u fuq kull qasam tax-xogħol għax inkella jew nagħmlu żball li diġá sar jew inkella nibqgħu bla idejat u l-arloġġ jieqaf.”
 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport