Sunday, November 24, 2024

BLA TBATIJA

Aqra wkoll

Iċ-ċansijiet huma kbar li se nibqgħu nisimgħu dwar il-ħtieġa li pajjiżna jieħu kontroll aħjar fuq l-ekonomija u mhux sempliċement iħalliha tibqa’ tikber b’rati dejjem impressjonanti. Kulħadd jgħidha dil-ħaġa: gvern; oppożizzjoni; il-qasam tan-negozju – mill-aktar modern sa l-aktar antikwat; is-soċjetà ċivili.

Iċ-ċansijiet huma kbar ukoll li mhu se jsir xejn. Kull min hu konċernat jaf li l-bidliet meħtieġa mhumex ħelwin. Se jqanqlu dwejjaq; f’numru ta’ każi anke tbatija. La l-gvern u lanqas l-oppożizzjoni mhuma se jkunu lesti jidhru qed jaċċettaw dil-ħaġa. Il-qasam tan-negozju jibqa’ jinteressah biss li l-marġini tal-profitti ma jonqsux, issir kif issir ir-riforma. U s-soċjetà ċivili titlob u tesiġi, mingħajr ma tqis il-konsegwenzi għax hemm il-politiċi biex jieħdu ħsieb dil-ħaġa.

Sadattant, is-sistema politika mil-lemin għax-xellug, tilfet il-ħila biex timmobilizza rieda ħalli ġġib qbil popolari “favur” miżuri iebsa. It-teknika tal-kumnikazzjoni politika ntrabtet għal kollox mas-sentiment ta’ kif in-nies se tħossha tajjeb, mal-hekk imsejjaħ “feel good”.

FIL-ĠERMANJA

Il-mexxejja politiċi tal-Ġermanja malajr sabu kif jaqilbu ta’ taħt fuq dak li fl-imgħoddi sostnew bħala twemminhom – il-ħelsien tal-fruntieri Ewropej mill-kontrolli. B’hekk kellha sseħħ politika komuni Ewropea li tippermetti liċ-ċittadini jiċċaqilqu minn naħa għall-oħra tal-Ewropa bla bżonn ta’ viża jew spezzjonijiet fil-fruntieri. Twieldet iż-żona Xengen. 

Li l-Ġermanja għandha problema bl-immigrazzjoni rregolari hi ħaġa ċara. Qatt ma ġara li dal-pajjiż qabel jew llum aġixxa b’mod trasparenti u koerenti f’kif jittratta dil-problema akuta. Gvernijiet Ġermaniżi baqgħu jirrispondu għal kif inbidlet il-klima politika interna f’pajjiżhom u stennew lil  ħaddieħor jaċċetta dak li jkunu ddeċidew, skont il-kontinġenzi li jinqalgħu. Din l-istorja qed tirrepeti ruħha bħalissa.

SUSSIDJI 

Sa fejn wieħed jista’ jifhem, indipendenti tfisser indipendenti. L-hekk imsejħa skejjel privati indipendenti twaqqfu u tmexxew sa issa bil-premessa li l-ġenituri li bagħtu t-tfal tagħhom fihom kienu lesti jħallsu dak li hemm bżonn, biex it-tfal ma jiġux edukati la fl-iskejjel tal-gvern, lanqas f’dawk privati “tal-Knisja”.

Imma issa, għaġeb tal-għeġubijiet, il-gvern iddeċieda li jissussidja lill-iskejjel indipendenti biex ikunu jistgħu jħallsu lill-għalliema tagħhom pagi kompetittivi ma’ tal-gvern! Diffiċli timmaġina balbuljata aqwa minn din.

Apparti mill-fatt stramb li issa fondi publiċi qed jintużaw biex jissusidjaw lil min hu paxxut u jrid ikun “indipendenti” (u evviva l-inugwaljanza soċjali!), qed noħolqu sors ieħor ta’ spiża li jkompli jżid mal-paradoss tal-edukazzjoni ta’ pajjiżna.

Aħna nonfqu ras imb’ras daqs jew aktar fuq l-edukazzjoni mill-pajjiżi Ewropej l-oħra, imma r-riżultati qed ikunu miżeri mqabbla ma’ ta’ ħaddieħor. B’din l-aħħar deċiżjoni inkredibbli ftit jista’ jibqa’ dubju għaliex dan qed jiġri.

Sport