Tuesday, May 28, 2024

Blackball: Cospicua Rangers lura fl-ewwel post

Aqra wkoll

Cospicua Rangers telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat nazzjonali tal-Blackball wara li kisbu rebħa u draw fil-konfronti neqsin li kellhom. Il-Bormliżi għelbu lil Jojo’s Birżebbuġa A 11-7 għalkemm ġew miżmuma fi draw ta’ 10-10 minn Valletta Breakwater. F’din l-aħħar logħba huma kienu qed jirbħu 9-2 iżda l-Beltin irnexxielhom jilħquhom sabiex eventwalment iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed.

Ħamrun 147 A għelbu lit-tieni tim tagħhom Ħamrun 147 B 11-3 f’logħba li huma ddominaw filwaqt li Qormi Anici A taw it-tieni telfa tal-ġimgħa lil Jojo’s Birżebbuġa hekk kif rebħulhom 11-5.

Fil-kampjonat reġjonali, Ħamrun 147 C sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun meta ġew megħluba minn Valletta Fossa Boys A 11-7. Mill-banda l-oħra kien hemm konfront bilanċjat bejn Każin Pinto Qormi A u Selmun Bar A li ntemm 10-10 filwaqt li Domus Kids Żejtun A kisbu tliet punti importanti wara skor ta’ 11-6 kontra PL Balzan A.

Fi grupp A tal-Community League, il-leaders Qormi Anici D għandhom vantaġġ ta’ tliet punti fuq l-eqreb rivali San Ġwann Tiki Taka A wara skor ta’ 11-5 kontra Juve Birkirkara B. L-istess San Ġwann Tiki Taka A komplew jissieltu ma’ ta’ fuq wara rebħa konvinċenti ta’ 11-2 kontra Selmun Bar C.

Min-naħa l-oħra, Mrieħel Billiard House kisbu rebħa tajba ta’ 11-8 kontra PL Balzan B.

Fi grupp B tal-Community League, San Ġwann Tiki Taka B jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika wara skor ta’ 11-6 kontra Juve Birkirkara A. L-istess skor ġie reġistrat fil-logħba bejn Qormi Anici E u Domus Kids Żejtun B bil-Qriema jiksbu t-tliet punti.

Selmun Bar B u Valletta Fossa Boys B kisbu rebħiet kontra Taċ-Ċaċċu Qormi (11-9) u Qormi Anici C (11-8) rispettivament.

KLASSIFIKA – COMMUNITY LEAGUE – GRUPP A

Qormi Anici D 27, San Ġwann Tiki Taka A 24, Birkirkara Boċċi 21, Juve Birkirkara B 15, Mrieħel Billiard 11, PL Balzan B 5, San Ġwann Nick’s B, Selmun Bar C 4.

KLASSIFIKA – COMMUNITY LEAGUE – GRUPP B

San Ġwann Tiki Taka B 26, Qormi Anici E 20, Juve Birkirkara A, Valletta Fossa Boys B 16, Taċ-Ċaċċu 13 , Selmun Bar B 10, Qormi Anici C 7, Domus Kids Żejtun B 4.

KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI

Cospicua Rangers 19, Ħamrun 147 A 17, Valletta Breakwater 16, Ħamrun 147 B 14, Qormi Anici A 9, Jojo’s Birżebbuġa, San Ġwann Nick’s 7, Qormi Anici B 5.

KLASSIFIKA – KAMPJONAT REĠJONALI

Ħamrun 147 C 21, Domus Kids Żejtun 11, Ħamrun 147 D, Selmun Bar A 10 , Valletta Fossa Boys A 9, PL Balzan A 8, Każin Pinto Qormi A 7.

Sport