Wednesday, July 24, 2024

BOV Kampjonat Premier: Partiti delikati għal Floriana u Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta llum titkompla tin­tlagħab it-23 ġurna­ta tal-BOV Kampjonat Premier, il-leaders Floriana u Hamruns Spartans li jinsabu fit-tieni post, għandhom partiti kemmxejn delikati meta jiltaqgħu kontra Mosta u Gzira United rispettivament. 

Min-naħa ta’ Valletta, huwa mperattiv għalihom li jiksbu t-tliet punti kontra Hibernians minħabba li jin­sabu f’periklu kbir li jiġu relegati. Iżda l-Pawlisti jri­du l-punti biex ikomplu jisfidaw għar-raba’ post. 

Partita oħra interessanti hija dik bejn Balzan u Sli­e­ma Wanderers … bil-Balzan jimmiraw għal rebħa biex ikomplu jaċċertaw mis-salvazzjoni hekk kif jinsabu ħames punti ‘l bogħod miż- żona tar-relegazzjoni meta fadal erba’ partiti – jew aħjar 12-il punt – għat-tmiem. 

Fiż-żewġ partita l-oħra, Naxxar Lions u Birkirkara jibdew favoriti netti li jik­sbu t-tliet punti meta jaffrontaw liż-żewġ timijiet diġá relegati, Sirens u Gudja United, rispettivament. 

Floriana v Mosta – Floriana, li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika b’vantaġġ ta’ żewġ punti, jimmiraw għas-sitt rebħa konsekuttiva meta jiffaċċjaw lil Mosta li jinżlu determinati għal rebħa li tista’ tkun tama ġdid biex ma jitilfux posthom mal-kbar li ilhom iżommu għal dawn tal-aħħar 13-il staġun. 

Hekk kif jinsabu ħames punti ‘l bogħod mis-salvaz­zjoni, il-Mostin ikunu jridu jilagħbu kontra Hibernians, Balzan u Naxxar Lions.  

Min-naħa l-oħra, rebħa għall-Furjaniżi tkun tfisser pass ieħor lejn ir-rebħ tat-tit­lu, bit-tliet logħbiet l- oħra jkunu kontra Marsa­xlokk, dik kruċjali kontra Hamrun Spartans u finalment kontra Gzira United. 

Aktar minn hekk, għada jiċċelebraw il-festa tal-Patrun San Pub­lju u għal­daqstant rebħa tkun, bla dubju, iċ-ċirasa fuq il- kejk. 

Kull team għandu player li se jirritorna minn sospensjoni – Maksim Valadzko għal Floriana u Gianluca Sci­berras għal Mosta. 

Fl-ewwel round, Floriana kienu rebħu bl-iskor ta’ 3-0.

Gzira U. v Hamrun S. – Huwa mperattiv għal Hamrun Spartans li jegħlbu lil Gzira United biex jibqgħu jżommu l-pass ma’ Floriana minħabba li jekk iwaqqgħu l-punti ‘jitilfu’ l-kuntatt ma’ Floriana hekk kif ikun fad­lilhom tliet partiti – Sta Lucia, l-istess Floriana, u Hibernians. 

Min-naħa tal-Maroons, jim­miraw li joħolqu sorpri­ża biex jitbiegħu miż-żona tar-relegazzjoni li jistgħu jinqabdu fiha hekk kif it- tliet logħbiet li jkunu fadlilhom huma kontra Birkirkara, Sta Lucia u Floriana.  

L-Ispartans se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiżi Joseph Mbong u Uros Duranovic filwaqt li l-istaġun għall-goalkeeper, Henry Bonello, huma mitmum hekk kif qed jirkupra minn injury fit-tul. 

Fl-ewwel round huma kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

Hibernians v Valletta – Din hija finali għal Valletta meta jiltaqgħu kontra r-rivali Hibernians li għandhom bżonn il-punti biex jibqgħu jisfidaw għar-raba’ post. 

Dan il-konfront huwa mill-aktar kruċjali għall-Beltin hekk kif xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li jinsabu fix-xifer li jitilfu post­hom. 

U dan huwa konfront bejn l-uniċi żewġ timijiet li qatt ma lagħbu f’diviżjoni inferjuri. 

Rebħa tibqa’ tittama lill- Beltin … iżda draw jew telfa jinkitbilhom id-destin!!

It-tliet partiti li jmisshom huma kontra Balzan, Naxxar Lions u Gudja United. Iżda ma jiddependix mir-riżultati tagħhom biss. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli.

Fil-partiti preċedenti ta’ bejniethom, il-Pawlisti kie­nu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. 

Birkirkara v Gudja U. – Birkirkara jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa ta’ 2-0 kontra Hamrun Spartans.  

Huma jibdew favoriti  kon­tra team li qatt ma rebaħ u li staġun ieħor se jilgħab fiċ-Challenge League. 

L-Istripes għandhom lil Ali Diakite sospiż.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1. 

Balzan v Sliema W. – Dan il-konfront għandu jkun wieħed mill-aktar interessanti bil-pressjoni tkun fuq il-Balzanin biex jitbiegħu aktar miż-żona l-ħamra.

Kull team għandu player sospiż – Ivan Bozovic għal Balzan u Bernardo Freire għall-Wanderers. 

Fl-ewwel round, Sliema kienu rebħu 1-0. 

Naxxar L. v Sirens – Din il-partita hija biss formalitá fejn id-destin ta’ dawn iż-żewġ timijiet huwa magħruf b’Sirens huma relegati hekk għandhom ukoll lil Gilbert Carrara sospiż.  

Fl-ewwel round, temmew fi draw ta’ 1-1.

Ekonomija

Sport