Dejan Grech kompla żied aktar unuri fil-karriera tiegħu hekk kif rebaħ l-aħħar ranking tournament tal-istaġun organizzat mill-Malta Blackball Federation wara li għeleb lil Lydan Debono 10-6. Dan kien sa ċertu punt, ritorn għar-rebħ għal Grech wara li aktar qabel tilef żewġ finali kontra Mevrick Zammit u Ryan Pisani.
Wara li stabilixxa vantaġġ ta’ erba’ frames, Grech ra r-reazzjoni ta’ Lydon Debono li rebaħ iż-żewġ frames ta’ wara. Minkejja kollox, Grech baqa’ kalm sabiex kompla jirbaħ aktar frames u eventwalment ikkwalifika sabiex jirrappreżenta lil Malta fil-Blackball World Championships li se jsiru fi Franza f’Ottubru li ġej.
Fil-kategorija tas-Seniors, Christopher Demicoli kiseb rebħa ta’ 10-8 kontra Clevion Micallef. Kien konfront ferm bilanċjat hekk kif Demicoli beda jmur fil-vantaġġ iżda b’Micallef li dejjem baqa’ viċin l-avversarju tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar kien Demicoli li kiseb ir-riżultat finali sabiex anke hu se jkun parti mill-kontiġent Malti fi Franza.
Finalment fil-kategorija Juniors, Chaylon Castaldi għeleb lil Nick Muscat 7-5. B’hekk Castaldi saħħaħ postu fil-quċċata tal-klassifika taż-Żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena.
Sadanittant il-federazzjoni organizzat il-laqgħa ġenerali annwali ta’ tmiem l-istaġun 2021/2022. L-iktar punt ewlieni li kkaratterizza din il-laqgħa kienet il-mozzjoni li għaddiet sabiex f’partiti deċiżivi, f’każ ta’ paritá flok penalty shootout, issir sessjoni addizzjonali tal-aħjar minn ħames frames.