Saturday, May 4, 2024

IL-FAMILJA FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA TAL-GVERN

Aqra wkoll

Kulħadd jitwieled f’familja, anke jekk huma diversi l-forom ta’ familji li jeżistu. Irrispettivament mill-forma, l-familja tibqa’ l-benniena tas-soċjetà tagħna. Tibqa’ pedament sod għall-formazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa għalhekk li l-gvern kontinwament jisħaq fuq l-importanza li ma rridux nibqgħu nitkellmu fuq soċjetà u ekonomija li jiġbdu f’direzzjonijiet differenti iżda rridu nkunu forza politika li tgħaqqad u tikkonverġi l-isforzi ta’ kulħadd biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies, fl-interess tan-nies u li ssawwar soċjetà li fiċ-ċentru tagħha hemm il-benesseri tal-familja. Dan huwa essenzjali speċjalment fil-kuntest ta’ dak li esperjenajna waqt il-pandemija COVID-19 kif ukoll l-impatt dirett u indirett li kellha fuqna l-gwerra fl-Ukranja.

Kien għalhekk li riċentament il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda strateġija msejsa fuq tliet pilastri, li huma mmirati li jindirizzaw relazzjonijiet differenti fil-familja. Il-Gvern se jkompli jenfasizza u joħloq akar għarfien dwar kif il-ġenituri jaġixxu m’uliedhom, speċjalment f’każ li l-koppja tkun separata. Dan sabiex iż-żewġ ġenituri jibqgħu juru messaġġ wieħed ta’ mħabba lil uliedhom.

Pilastru ieħor jiffoka fuq l-element importanti tan-nanniet fil-familji, li aktar ma jgħaddi żmien qed ikunu parti kruċjali minħabba l-għajnuna li jagħtu. Nifhmu li qiegħda ssir enfasi fuq is-solitudni fost in-nanniet u l-anzjani, li kienu fost l-aktar li batew fil-perjodu tal-pandemija. 

It-tielet u l-aħħar pilastru se jkun qed iħares lejn id-diversi forom ta’ familji u kif dawn kollha huma parti mis-soċjetà li ngħixu fiha llum. 

Quddiem dan kollu, il-Gvern reġa’ intervjena b’mod deċiż permezz tal-Budget 2022 li hu mmirat lejn il-bżonnijiet tal-familja. Kien għalhekk li l-Manifest Elettorali 2022  tal-Partit Laburista kien jiffoka fuq kif l-gvern joffri aktar kwalità ta’ ħajja aħjar lil kull familja. Kien għalhekk li l-gvern se jibqa’ jaħdem sabiex ngħixu f’pajjiż fejn il-familja tibqa’ punt centrali, punt ta’ riferiment, punt essenzjali għat-tfassil tal-Malta ta’ għada.

Sport