Friday, May 17, 2024

Blackball: Diversi riżultati pożittivi fit-tieni ġurnata ta’ logħob

Aqra wkoll

It-timijiet nazzjonali Maltin li qed jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew tal-Blackball komplew b’aktar riżultati pożittivi.

It-tim tal-irġiel A kiseb rebħa tajba ta’ 16-9 kontra Wales. Il-plejers Maltin ikkontrollaw tajjeb il-logħba sabiex ir-rebħa qatt ma kienet fid-dubju. Aktar tard huma kisbu rebħa oħra din id-darba kontra Katalunja bi skor ta’ 15-10.

Kellna rebħa oħra tajba ta’ 13-12 mill-Malta Grandmasters kontra l-Franza filwaqt li t-tim ta’ taħt il-15-il sena safa’ megħlub 12-3 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

F’logħba ferm interessanti u inċerta sal-aħħar, it-tim femminili tal-Irlanda għeleb lin-nisa Maltin 14-11. Dawn tal-aħħar pattew għat-telfa li sofrew hekk kif għelbu lil Katalunja 18-7.

Filgħaxija daħlu fl-azzjoni t-timijiet tal-Men’s B li lagħbu tliet logħbiet importanti. Fil-fatt it-tim B2 tilef kontra Wales 12-9 għalkemm rebaħ 17-4 lill-Irlanda ta’ Fuq, 13-8 kontra l-Iskozja u 11-10 kontra l-Irlanda.

It-tim ta’ taħt it-23 sena rebħu lill-Irlanda u lill-Katalunja bl-istess skor ta’ 19-6 filwaqt li tilfu maż-żewġ timijiet ta’ Wales 18-7 u 16-9.

It-tim ta’ taħt it-18-il sena kiseb erba’ rebħiet minn daqstant logħbiet wara riżultati pożittivi kontra l-Irlanda ta’ Fuq (14-11), l-Irlanda (16-9), Franza (16-9) u Skozja (16-9)

Illum tintlagħab it-tielet ġurnata ta’ logħob b’aktar kompetizzjonijiet tat-timijiet u anke individwali.

Sport