Waqt li kompliet id-diskussjoni fil-parlament b’rabta mal-emenda mressqa mill-gvern biex tkun protetta s-saħħa u l-ħajja tal-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ddeskriva d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-konfront ta’ Prudente bħala “moqżież” u “jaqq”. Camilleri fakkar dwar l-esperjenza tal-koppja Prudente fejn sa ftit tax-xhur ilu kellna mara f’pajjiżna li kellha titlaq b’air ambulance lejn Spanja għal trattament barra mill-pajjiż minħabba li l-liġi ta’ pajjiżna ma kinitx tipproteġi lit-tobba f’tali ċirkostanzi.
Huwa tkellem dwar il-fatt li b’din l-attitudni pajjiżna esporta problema li kellu jindirizza barra mill-pajjiż u li llum ftit xhur wara qiegħda tiġi diskussa emenda li ħarġet minn din l-esperjenza. Il-Ministru Camilleri qal li bid-diskors tiegħu fil-konfront ta’ Andrea Prudente, Grech kompla jikkonferma dwar il-politika cheap tiegħu meta saħansitra prova jirredikola l-btala tagħha f’pajjiżna.
“Border Control nitfugħ ladarba jkeċċuh minn Kap tal-Oppożizzjoni ħalli jara min ikun dieħel f’pajjiżna bi tqala u le”, kompla biex jgħid Camilleri filwaqt li rrefera għad-diskors ta’ Grech li skontu kien pjaċir tagħha li tgħaddi minn dik l-esperjenza fejn tasal fi stadju fejn ikollha tittermina t-tqala tagħha minħabba l-kumplikazzjonijiet.
Il-Ministru qal ukoll li fil-ġurnata li pajjiżna jieqaf iwettaq ir-riformi tkun l-istess ġurnata li jkun qed jieqaf jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet. Sostna li l-iktar deċiżjonijiet faċli jkunu li l-gvern jgħaddas rasu taħt ir-ramel bħalma sar minn gvernijiet fil-passat. Minflok dan il-gvern qed jagħżel biex jiddeċiedi u jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet. Qal ukoll li anke jekk ikunu suġġetti li jolqtu ftit persuni, anke waħdiet, il-parlament għandu l-obbligu li jiddiskutuhom għax b’dan il-mod biss, il-membri parlamentari jkunu jistgħu jservu ta’ leħen għal dawk li jkunu jeħtieġ li jiġu trattati b’mod dinjituż.
Rigward il-professjonijisti huwa qal li dawn ma tridx tirringrazzjahom b’ċapċipa wara żmien iebes bħalma kien dak tal-Covid-19, iżda billi tasal biex tafdahom fl-irwoli professjonali tagħhom.