Saturday, December 21, 2024

Boris Johnson f’inkwiet kbir

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bosta talbiet għar-riżenja tal-Prim Ministru Ingliż

Bħalissa, l-aħbarijiet internazzjonali huma ddominati minn dak li għaddej minnu Boris Johnson, il-Prim Ministru Ingliż. Il-mexxej tal-Partit Konservattiv, li sentejn ilu mexxa lill-Partit tat-Torries għall-aktar rebħa elettotali ta’ dawn l-aħħar 30 sena, issa qiegħed fix-xifer li jkollu jwarrab. Dan wara li riċentament, Johnson inqabad li f’Mejju tal-2020, f’wieħed mill-agħar perjodi tal-pandemija gewwa r-Renju Unit, huwa kien qiegħed jikser b’mod sfaċċat il-miżuri iebsa li kienu imposti fuq il-poplu sabiex tiġi mrażżna l-imxija tal-Coronavirus. Minbarra li bħala Prim Ministru huwa suppost kellu jkun ta’ eżempju, ħaġa li rrendiet din l-irresponsabilità grassa ta’ Johnson aktar gravi kienet li dan il-ksur tar-regoli saru fil-ġnien ta’ 10, Downing Street, fejn hemm l-uffiċċji tal-Prim Ministru tar-Renju Unit.

Min-naħa tiegħu, wara ġranet sħaħ ta’ kritika ħarxa u li wara ssarrfet f’ħafna talbiet għar-riżenja tiegħu, Boris Johnson għamel apoloġija mqanżħa li permezz tagħha pprova jbenġel l-aġir irresponsabli tiegħu b’argument li jista’ jitqies li huwa bbażat fuq nofs veritajiet jekk mhux fuq gidba sfaċċata. 

Però, kull min segwa l-karriera kemm professjoni ta’ Johnson bħala ġurnalist u kemm bħala politiku, jaf li kemm l-imġiba tiegħu f’Mejju tal-2020, kif ukoll ir-reazzjoni tiegħu għall-kritika li bħalissa qiegħed jaffaċċja, m’huma xejn ġdid fil-ħajja tiegħu.

L-iskandlu tal-festin

Kollox beda meta xi tabloids Ingliżi ppubblikaw ritratti li juru biċ-ċar lil Boris Johnson u lil diversi membri tal-istaff tiegħu ġewwa l-uffiċċju tal-Prim Ministru jattendu festin ġewwa l-ġnien ta’ dan il-bini. Dawn ir-ritratti juru lil dawn in-nies jikkunsmaw ammonti impressjonanti ta’ nbid. Dan il-festin sar f’Mejju tal-2020 meta l-awtoritajiet tas-saħħa kienu ħarġu diversi miżuri għal kontra l-imxija tal-Covid-19 li fost oħrajn kienu jinkludu restrizzjoni fin-numru ta’ nies li setgħu jkunu flimkien u miżuri ta’ żamma ta’ distanzi soċjali. 

Boris Johnson wara li ammetta li huwa ‘seta’ ġab ruħu ferm aħjar’ ipprova jimmitiga l-gravità ta’ għemilu billi qal li huwa attenda għal dan il-festin għal madwar 20 minuta biss u li kien taħt l-impressjoni li dan kien ġie organizzat sabiex fih isiru xi diskussjoni professjonali relatati mall-kariga tiegħu. 

Naturalment din l-iskuża kienet ikkritika b’mod tassew aħrax kemm fil-parlament u anke mill-midja Ingliża u dik internazzjonali u ġiet deskritta bħala wahda mill-aktar skużi vojta li qatt ħareġ bihom xi Prim Ministru Ingliż.

Wara dan l-episodju xejn feliċi fil-karriera ta’ Johnson, l-popolarità tiegħu ħadet tisbita kbira ‘l isfel tant li issa huwa qiegħed fl-istess livelli ta’ popolarità li kellu Jeremy Corbyn, li kien il-mexxej tal-Partit Laburista sal-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu u li r-ratings baxxi tiegħu minħabba l-politika xellugija estrema li jħaddan kif ukoll xi dikjarazzjonijiet razzisti li kien għamel, kienu waslu lil Johnson għar-rebha kbira li semmejna.

Xejn ġdid

Sa minn meta kien għadu jaħdem bħala ġurnalist, il-karriera ta’ Johnson kienet ikkaratterizzata minn ħafna nofs veritajiet u nuqqas ta’ etika. Fl-ewwel xogħol tiegħu mat-Times huwa kien ġie mkeċċi mill-impjieg wara li attribwixxa lil xi ħadd ieħor kwotazzjoni li kien ivvintaha huwa. 

Meta kien ġie maħtur bħala l-editur tal-iSpectator, rivista politika influwenti, huwa kien wiegħed lill-bord tad-diretturi li huwa ma kienx sejjer joħroġ għall-politika. Ma tantx għadda żmien li Boris Johnson ma ħariġx għall-elezzjoni. Meta huwa rnexxielu jigi elett bhala membru parlamentari u nghata l-kariga ta’ kelliem ewlieni għall-oppożizzjoni, Michael Howard, il-mexxej tal-Oppożizzjoni Konservattiva ta’ dak iż-żmien, kien keccieh mill-kariga wara li kien inqabad jigdeb fuq relazzjoni extra konjugali li kellu. Anke meta kien is-Sindku ta’ Londra, Johnson kien mar lura minn kelmtu meta wara li kien qal li mhuwiex sejjer jikkontesta għall-elezzjoni generali tal-2015, huwa kien ikkontesta bħala kandidat Konservattiv ta’ Uxbridge.

X’sejjer jiġri minn Johnson?

Minn studja ftit il-ħajja ta’ Johnson jaf sew li ftit li xejn hemm ċans li Johnson jirreżenja minn jeddu minħabba l-iskandlu li semmejna. L-istess jistgħu jgħidu dawk li huma familjari mal-istorja tal-Partit Konservattiv Ingliż. Dan il-partit minn dejjem appogja mingħajr kundizzjoni lill-mexxejja tiegħu anke meta l-pożizzjoni tagħhom kienet wahda li ftit li xejn setgħet tiġi ġustifikata. 

Għaliex l-Ingliżi għażlu lil Johnson?

Meta wieħed jisma’ dan kollu fuq Boris Johnson, dak li jkun ma jistax ma jistaqsix allura kif il-poplu Ingliż għażel lil Johnson bħala l-mexxej tiegħu. Analisti tal-politika internazzjonali ħarġu b’ħafna fatturi li setgħu waslu lill-Ingliżi sabiex jagħżlu bniedem bhal Boris Johnson, li kif rajna ma tantx ħabbel wisq rasu sabiex jaħbi l-karattru xejn etiku tiegħu matul ħajtu.

L-ewwel raguni li tista’ tkun li waslet lil Johnson gewwa 10, Downing Street, kienet l-alternattiva fjakka li kien Jeremy Corbyn fl-aħħar elezzjoni. Fattur ieħor li seta’ għen lil Johnson jirbaħ it-tmexxija tal-Partit Konservattiv u li eventwalment waslitu sabiex isir Prim Ministru kienet li n-nies kienu xebgħu b’politiċi monotoni bħal Theresa May. Jingħad li ghalkemm hafna minn shabu l-Konservattivi kienu jafu bid-difetti gravi ta’ Johnson, fih raw bniedem li permezz tiegħu setgħu jżommu l-gvern f’idejhom wara l-fjask ta’ Brexit. Hawnhekk, wieħed ta’ min ifakkar li fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv, Johnson kien wiegħed lil ħafna nies fi ħdan il-partit li kemm-il darba jkun elett, huma kienu sejrin izommu l-karigi li kellhom. 

Fl-aħħar nett, huwa fatt magħruf li s-sħubija tal-Ingilterra mal-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet ikkaratterizzata minn ħafna dubji mill-poplu Ingliż. Din il-bruda fil-konfront tal-Unjoni kienet ġejja mill-fatt li l-Ingliżi kienu jaraw lil Brussell bħala s-simbolu tal-umiljazzjoni li għaddew minnha wara li minn Imperu huma bdew jieħdu l-ordnijiet appuntu minn Brussell. F’għajnejn hafna votanti Brittaniċi, Johnson kien strumentali sabiex il-ħolma tal-poplu Ingliż li jeħilsu darba għal dejjem mill-Unjoni Ewropea saret realtà. 

Però, issa żmien il-logħob għadda għal ħafna pajjiżi inkluż l-Ingilterra. Wara sentejn ta’ pandemija f’xenarju fejn l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż qiegħda kulma tmur sejra għall-agħar speċjalment minħabba l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, huwa mistenni li s-snin li ġejjin sejrin ikun ta’ sfida kbira għall-politiċi Ingliżi. Mis-sondaġġi politiċi li semmejna, fl-aħħar jidher li l-Inglizi qeghdin ihossu l-htiega li jkollhom mexxej serju u li jitfa’ ċertu konfidenza fil-klassi politika f’dan iż-żmien hekk diffiċli. Din il-bidla drastika fil-perċezzjoni tan-nies fil-konfront ta’ Johnson hija l-unika mod kif Johnson jista’ jitlef postu bħala Prim Ministru. Żgur li kif diġà għedna, ħadd ma jistenna li Johnson sejjer iwarrab minn jeddu.

Ekonomija

Sport