Wednesday, December 25, 2024

Boris Johnson jikkonferma li mhux se jħabbar restrizzjonijiet ġodda qabel il-Milied

Aqra wkoll

Boris Johnson illejla assigura lill-pubbliku li jistgħu jkomplu bil-pjanijiet tagħhom tal-Milied u li mhux se jitħabbru l-ebda restrizzjonijiet ġodda fl-Ingilterra qabel dak iż-żmien.

Huwa qal li se jkomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni marbuta mal-varjant tal-Omicron mill-qrib ħafna u jekk jaraw li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, ikunu lesti biex jieħdu azzjoni jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Filwaqt li qal li n-nies jistgħu jkomplu bil-pjanijiet tagħhom għal dan il-Milied, appella biex kulħadd jibqa’ attent u biex jipproteġu kemm lilhom infushom kif ukoll lill-maħbubin tagħhom, speċjalment lil dawk vulnerabbli.

Huwa wkoll fakkar lin-nies biex isegwu l-miżuri tal-ilbies tal-maskri fejn huwa mitlub li tintlibes u biex jagħmlu test qabel ma jżuru qraba anzjani jew vulnerabbli.

Johnson appella wkoll biex in-nies imorru jieħdu d-doża tal-booster kontra l-Covid-19.

Matul il-jum tat-Tlieta, ir-Renju Unit irreġistra 90,629 każ ġdid tal-Covid-19 u 172 imwiet kawża tal-virus.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) sadanittant qed tħeġġeġ lin-nies biex jikkanċellaw il-pjanijiet tagħhom għal dawn il-vaganzi fl-isfond tal-fatt li l-Omicron qed ikompli jinfirex madwar id-dinja.  

Ekonomija

Sport