Omm li temmen li l-edukazzjoni hija importanti u li għalhekk tisħaq li tixtieq tibgħat lil uliedha l-iskola, qalet li qed tirċievi bosta kummenti ta’ tgħajjir minħabba dan il-fatt. Hija tistaqsi, “Għalfejn din il-mibegħda kollha għalina l-ġenituri li nixtiequ nibagħtu lil uliedna l-iskola? Ħlief tgħajjir li ma jimpurtaniex mit-tfal, li rridu neħilsu minnhom, li naħsbu li l-għalliema huma baby sitters, u elf ħaġa oħra, għaliex?”
Għal dan il-kumment, bosta ommijiet kitbu fuq il-midja soċjali li jaqblu perfettament ma’ dak li qalet filwaqt li jemmnu li ħadd m’għandu jgħajjar lil ħadd għax wara kollox kulħadd jaf x’inhu l-aħjar għal uliedu.
Għadd ta’ ommijiet li kkummentaw qalu li l-edukazzjoni hija ferm importanti għal uliedhom u jħossu li għandhom jibagħtuhom. Omm minnhom qalet li daqs kemm jitgħallmu mingħand l-għalliema żgur li mhux se jitgħallmuh mid-dar jew online u għal ġid ta’ binha, għax tridu ħafna aħjar minnha, se tibagħtu.
Omm li t-tifla tagħha waslet għall-O levels qalet li jekk ma tibgħatiex se tbati issa u ħafna aktar ‘il quddiem. Oħrajn qalu li se jibagħtuhom għas-sempliċi fatt li ħajjithom baqgħet għaddejja normali fejn marru l-baħar, ir-ristoranti u komplew jipparteċipaw fil-passatempi tagħhom. Persuna li għandha n-neputijiet li tħobbhom daqs id-dawl t’għajnejha qalet li xorta waħda se tibgħathom għax il-ħajja trid tkompli.
Omm oħra qalet, “Jiena ma naħdimx, pero se nibgħathom mhux biex neħles minnhom imma se jispiċċaw jekk mhux bil-Covid, jimirdu mentalment. Il-ħin kollu b’ħafna nervi saru t-tfal, mhux tajjeb għalihom hekk.”
Filwaqt li bosta saħqu li huma favur li jibgħatu lil uliedhom l-iskola, il-biża’ fil-ġenituri l-oħra qed twaqqafhom milli jikkunsidraw li jagħmlu dan u sostnew li din hija sikkina li taqta’ minn żewġ naħat. Uħud qalu li ladarba jistgħu jaħdmu mid-dar u jżommu lil uliedhom, allura mhux se jibgħatuhom. Omm li għandha tifel tagħha li għandu l-awtiżmu qalet li l-probabiltà hija li mhux se tibagħtu għax minħabba l-kundizzjoni tiegħu hija iktar diffiċli biex jifhem li jrid iżomm id-distanza u jżomm il-maskra kif suppost.
Oħrajn sostnew li għadhom indeċiżi dwar x’se jagħmlu u qalu li għandhom bżonn ikunu jafu eżattament x’tagħlim se jkun disponibbli online biex jiddeċiedu minn hemm. Uħud qalu li mhix deċiżjoni faċli li tagħżel bejn is-saħħa u l-edukazzjoni ta’ uliedhom għax it-tnejn huma importanti.