Saturday, May 4, 2024

BOV Plejer tax-Xahar: Reid ta’ Floriana jirbaħ il-Premju ta’ Settembru

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Floriana Kemar Reid ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tax-Xahar għal Settembru 2023.

Il-plejer internazzjonali Malti mwieled il-Ġamajka kellu bidu eċċellenti għall-istaġun, fejn sab ix-xibka fil-partiti kollha ta’ Floriana matul Settembru.

Reid kiseb l-ewwel gowl tiegħu dan l-istaġun fir-rebħa ta’ 4-0 ta’ Floriana fuq Santa Luċija fejn sab il-pożizzjoni perfetta li ippermettietlu jitfa l-ballun wara l-goalkeeper ta’ Santa Lucia wara li xutt ta’ Matheus Souza ġie mblukkat.

Kemar fetaħ l-iskor fir-rebħa ta’ 2-0 ta’ Floriana fuq Birkirkara meta fit-52 minuta, irċieva mingħand Mattia Veselji u b’teknika tajba qabeż lill-goalkeeper tal-istripes.

Reid kien bla dubju l-eroj ta’ Floriana fir-rebħa tagħhom fuq Hibernians, fejn skorja 2 gowls spettakolari sabiex it-tim tiegħu żamm ir-rekord perfett matul Settembru. Fit-38 minuta kiseb il-pussess f’nofs il-grawnd, u b’xutt b’saħħtu u angolat minn madwar 30 metru ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Hibs. Tliet minuti mit-tmiem, approfitta mid-difiża laxka ta’ Hibernians biex jaqbad il-ballun u b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil-Kone. Din il-prestazzjoni ġabitlu magħha it-titlu tal-plejer tal-logħba.

Ernest Agius, Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Settembru 2023 lil Reid li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni tal-Bank assoċjata ma’ dan il-premju.

L-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għandu l-għan li jirrikonoxxi l-eċċellenza fil-Kampjonat BOV Premier bħala parti mill-impenn tal-Bank lejn komunità aktar b’saħħitha permezz tal-isport.

Sport