Monday, April 29, 2024

Bqajt impressjonat bil-faċilitajiet sportivi li toffri Malta – Aleksander Ceferin

Aqra wkoll

Wara li ġew rinnovati matul il-ġimgħat li għaddew, it-Training Grounds tal-MFA ġew inawgurati mill-ġdid mill-president tal-UEFA Aleksander Ceferin u l-president tal-MFA Bjorn Vassallo. Ir-rinnovar tat-training grounds huwa parti minn proġett akbar li jinkludi bini ta’ stand għal dak li qed jissejjaħ il-Malta National Football Centre li se jinkludi stadium tal-Ewwel Kategorija li fih se jsir ukoll logħob mill-Kampjonati Ewropej ta’ Taħt id-19-il Sena fl-2023.

Fil-kummenti tiegħu waqt din l-inawgurazzjoni, il-president tal-MFA Bjorn Vassallo rringrazzja bis-sħiħ lill-president tal-UEFA Ceferin ta’ din iż-żjara tiegħu li qal li tawgura tajjeb għall-MFA u tirrikonoxxi x-xogħlijiet kontinwi li l-assoċjazzjoni Maltija tinsab għaddejja bihom.

Min-naħa tiegħu, Ceferin, irreċiproka l-gratitudni tas-Sur Vassallo u qal li kien ta’ pjaċir kbir għalih li żar pajjiżna fejn baqa’ mpressjonat bil-faċilitajiet sportivi li pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu joffri.

Intant, mistoqsi  jekk jaħsibx li pajjiżna fil-futur jistax jospita xi tournament maġġuri tal-UEFA, huwa wieġeb fl-affermattiv fejn qal li fil-fatt pajjiżna diġá se jkun qed jospita l-Kampjonati Ewropej ta’ Taħt id-19-il sena fl-2023 iżda ma eskludiex li Malta tista’ tospita wkoll xi tournament ieħor fosthom tan-nisa  jew tal-youths ‘il quddiem anke flimkien ma’ pajjiżi oħra.

Mistoqsi wkoll x’kien il-motiv ewlieni tiegħu li jagħti l-UEFA President’s Award waqt iċ-ċerimonja annwali tal-unuri tal-UEFA  fil-jiem li għaddew lit-team mediku tad-Danimarka u l-captain Simon Kjaer, huwa wieġeb li: “Din is-sena, il-President’s Award mar lil hinn mill-football. Serva bħala tfakkira importanti u dejjiema tal-valur tal-ħajja, u jpoġġi kollox f’ħajjitna f’perspettiva aktar ċara.

Aktar qabel, Ceferin, kien iddeskriva l-istaff mediku tat-team nazzjonali Daniż bħala “l-vera champions tal-Euro 2020”.

Sport