Bradley Mifsud u Jordan Pace kisbu rekords nazzjonali ġodda waqt ir-raba’ Challenge Meeting tal-istaġun fit-trakka tal-Marsa.
Fid-discus, Mifsud irreġistra rekord nazzjonali ġdid b’tefa’ ta’ 56.53m, biex kiser ir-rekord tiegħu preċedenti ta’ 56.41m. Dan ir-riżultat jikkonferma l-progress tal-atleta ta’ Pembroke fid-dixxiplina tiegħu fl-aħħar snin.
Rekord ieħor kien stabbilit mill-atleta ta’ Savio Jordan Pace, meta kiseb ħin ta’ 52.81s fl-400m hurdles. Dan il-ħin fisser li Pace baxxa r-rekord nazzjonali tiegħu bi kważi żewġ sekondi f’sena, turija tal-iżvilupp u l-konsistenza tiegħu.
Prestazzjoni oħra importanti kienet dik ta’ Thea Parnis, bl-atleta ta’ Rush AC tirreġistra 11.75s fil-100m. B’dan il-ħin, hi mhux biss kisbet rekord nazzjonali ta’ taħt l-20 sena iżda wkoll kisbet l-istandards minimi meħtieġa biex tikkompeti fil-Kampjonati Dinjija tal-istess kategorija. Din it-tellieqa ntrebħet minn Alessandra Gasparelli, atleta minn San Marino, quddiem Claire Azzopardi b’11.72s. Din tal-aħħar rebħet il-200m b’ħin ta’ 24.08s.
Thea Parnis Coleiro kienet ukoll protagonista fl-400m, tellieqa li rebħet b’ħin ta’ 57.08s. Fost l-irġiel, ħin tajjeb f’din id-distanza għal Isaac Bonnici b’48.99s.


