“Nixtieq inħabbar li Gvern Nazzjonalista se jkun qed iraħħas il-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% għall-familji tagħna. Se nagħmlu dan billi nżommu s-sussidji tal-enerġija u fil-jiem li ġejjin se nispjegaw kif din il-miżura se tkun iffinanzjata u kif se taħdem.”
Dan t’hawn fuq huwa x’irrapporta l-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista ‘In-Nazzjon’ nhar it-Tnejn li għadda fir-rigward ta’ diskors li għamel il-Kap Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika l-jum ta’ qabel. Nimmaġinak tistaqsini għaliex it-titlu ‘Sinċerament, ma nistax nifhem’?
Huwa stat ta’ fatt li sa ftit xhur ilu l-Kap Nazzjonalista kien jiddeskrievi s-sussidji fuq id-dawl u l-ilma bħala short lived, xi ħaġa għal ftit żmien. Kienu jgħidu wkoll li tali sussidji mhumiex sostenibbli. U ma ninsewx li dawn ġejjin minn sfond li meta kienu fdati bl-amministrazzjoni tal-pajjiż kienu għamluha ċara, u wettquha, li l-mod tagħhom huwa li s-suq isuq. Nimxu ma’ kif ikun il-prezz dakinhar. Ilkoll nafu li s-sistema kienet titħaddem b’mod li fi tmiem kull xahar kienu jinħarġu prezzijiet għall-enerġija li jiddaħħlu fis-seħħ mill-għada. Imma mhux biss, b’żieda ma’ dan kienet tiddaħħal is-soprataxxa.
Meta l-Partit Laburista, allura mmexxi minn Dr Joseph Muscat, kien iddikjara li b’mod immedjat Gvern Laburista jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’25% il-Partit Nazzjonalista għamel dak kollu possibbli biex jiskredita dak propost. Kien laqqam din il-proposta bħala Alice in Wonderland.
Imma mhux biss. Gvern Nazzjonalista ta’ dakinhar, immexxi minn Dr Lawrence Gonzi, kien għamilha aktar minn ċara li ma kienx lest li jirrimedja għaż-żieda li kien hemm fil-prezz tal-enerġija. Is-soluzzjoni waħdanija li kellu kienet li dan il-piż jintrefa’ mill-poplu. U hekk għamel. Sallab lill-familji Maltin u Għawdxin. Politika li baqgħu, u għadhom jemmnu fiha. Il-Kap Nazzjonalista preċedenti, Dr Bernard Grech, kien aktar minn ċar li kien lest jimxi bil-politika tas-suq isuq. Kien ċar daqs il-kristall li la darba l-prezz tal-enerġija jogħla minn barra allura jkollu jogħla hawnhekk.
Politika li, jgħid x’jgħid il-Kap Nazzjonalista attwali, għadhom jemmnu fiha. Li ma kienx hekk ma kienx jgħidilna li s-sussidji huma miżura short lived. Ma kienx jgħidilna li s-sussidji mhumiex sostenibbli.
Hemm aktar minn hekk. Qalulna li s-sussidji mhumiex sostenibbli għax skont huma l-pajjiż jinsab finanzjarjament fallut. Nemmen li lanqas huma stess ma jemmnu din in-narrattiva, għax li ma kienx hekk ma kienx joħroġ bil-proposta li “Nixtieq inħabbar li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jiraħħas il-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% għall-familji ntagħna. Se nagħmlu dan billi nżommu s-sussidji tal-enerġija u fil-jiem li ġejjin se nispjegaw kif din il-miżura se tkun iffinanzjata u kif se taħdem.”
Jidher li l-Partit Nazzjonalista rrealizza li ma tistax tgħid li għandna pajjiż fallut, li allura suppost hekk se jirtuh, imbagħad tgħid li “il-prezzijiet tal-enerġija taħt Gvern tal-Partit Nazzjonalista se jkunu tant baxxi li s-sussidji mhux se jkunu meħtieġa aktar” kif stqarr Dr Adrian Delia, eks-Kap Nazzjonalista ieħor, waqt Konferenza tal-Aħbarijiet ftit tal-jiem ilu.
Irrid infakkrek ukoll għażiż/a qarrej/a, li dan huwa l-istess partit li rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew kontinwament jinstigaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tippressa fuq il-Gvern Malti ħalli jwaqqaf is-sussidji. Issa, il-Kap Nazzjonalista qed jgħidilna li s-sussidji se jżommhom.
Tagħtini tort li din il-kitba tajtha it-titlu ‘Sinċerament, ma nistax nifhem’?


