L-anzjani huma pilastru importanti fis-soċjetà tagħna u għalhekk huwa essenzjali li dawn jingħataw prijorità. Dan għaliex wara snin twal ta’ xogħol, sagrifiċċji u kontribuzzjoni lejn il-pajjiż u l-familji tagħhom, ikun jixirqilhom li jgħixu ħajja b’dinjità, b’rispett u b’sigurtà.
Qabel xejn irridu nirrikonoxxu li l-Gvern qiegħed u se jibqa’ jagħti prijorità lill-anzjani. Nemmnu li jekk fit-30 ta’ Mejju li ġej jerġa’ jingħata l-fiduċja, il-Partit Laburista fil-Gvern se jkompli jinvesti fil-pensjonanti kollha. Naqblu għalhekk mal-miżuri li se jkun hemm fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Fost dawn hemm il-fatt li l-pensjonanti se jieħdu żieda ta’ €50 fil-ġimgħa fil-leġiżlatura li jmiss.
Minbarra l-ħemel ta’ miżuri elenkati fil-manifest, ma nistgħux ukoll ma nirreferux għad-diskors li għamel il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela t-Tnejn li għadda fejn ħabbar aktar miżuri favur l-anzjani. Fost dawn kien hemm li anzjani ta’ aktar minn 75 sena li joqgħodu f’darhom, se jieħdu żieda ta’ €200. Proposta oħra hija dik li nisa li qabżu l-età tal-irtirar u qed jieħdu l-bonus għal dawk li m’għandhomx pensjoni li daħħal Gvern Laburista, mis-sena d-dieħla se jibdew jieħdu ż-żieda tal-COLA kull sena.
Miżura oħra hi li dawk li għandhom live-in carer, l-għajnuna li bħalissa hija dik ta’ €9,000 qed jiġi propost li titla’ sal-paga minima, sostenn ta’ kważi €2,000 oħra fis-sena. Hemm ukoll il-fatt li l-anzjani ta’ aktar minn 80 sena li jgħixu waħedhom, se jingħataw smart wearable device li bih it-tobba jsegwu saħħithom f’kull ħin u f’każ ta’ emerġenza jmorru jagħtuhom l-għajnuna mal-ewwel. Dan apparti li se jinfetħu aktar Ċentri għall-Anzjanità Attiva fil-komunità, filwaqt li se jiġi estiż il-ħin tal-ftuħ tagħhom. Is-servizz tas-Silver T se jiġi estiż lil hinn mill-konfini tal-lokalità u f’ħinijiet li jkunu jixtiequ l-anzjani.
Quddiem dan kollu nemmnu li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-anzjani. Huwa għalhekk ukoll li l-messaġġ tal-Partit Laburista huwa mibni fuq il-bżonnijiet tan-nies u l-ħolm tagħhom. U n-nies jafu li dan il-Gvern se jibqa’ jkun hemm għan-nies ħalli jirnexxu f’kull pass li jagħmlu u magħhom jirnexxu wkoll Malta u Għawdex.


