Wednesday, May 13, 2026

L-Iżrael tgħaddi liġi li tippermetti l-piena kapitali u ġurijiet pubbliċi

... għal dawk marbuta mal-attakki tas-7 t’Ottubru 2023

Aqra wkoll

L-Iżrael għadda liġi biex tkun imposta l-piena tal-mewt u jsiru ġurijiet pubbliċi kontra dawk involuti fl-attakki mwettqa mill-Ħamas u l-ħtif tal-ostaġġi Iżraeljani f’Ottubru tal-2023. Il-liġi għaddiet b’93 vot favur u xejn kontra fil-Parlament Iżraeljan – il-Knesset. 

Yulia Malinovsky, li appoġġjat dan l-abbozz, qalet f’konferenza tal-aħbarijiet qabel ittieħed il-vot li “kulħadd se jara lill-vittmi u lill-familjari tagħhom iħarsu direttament f’għajnejn il-qattiela u dawk li wettqu stupru u ħtif.”

Hija żiedet tgħid li kulħadd se jara kif l-Istat ta’ Iżrael huwa stat sovran li jaf kif iżomm responsabbli lil dawk li għamlulu l-ħsara. “Wasalna fl-istadju finali. Fil-fatt dan huwa l-punt tat-tluq. Il-bidu ta’ ġurijiet storiċi li d-dinja kollha se tara.” 

Sadanittant, diversi gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem tkellmu kontra din il-liġi, fejn opponew il-prinċipju tal-piena kapitali iżda wissew kontra “proċessi teatrali bbażati fuq dikjarazzjonijiet allegatament miksuba permezz ta’ tortura.”

Is-7 ta’ Ottubru 2023 kienet l-aktar ġurnata meqjusa “fatali” fl-istorja ta’ Iżrael. Dakinhar, militanti tal-Ħamas kienu qatlu aktar minn 1,200 persuna fin-nofsinhar ta’ Iżrael, bil-parti l-kbira jkunu nies ċivili. Dakinhar kienu nħatfu wkoll 251 persuna oħra u nżammu fil-magħluq fl-Istrixxa ta’ Gaża, inklużi rġiel, nisa, tfal u ċittadini barranin. Dawn l-avvenimenti wasslu għall-aktar gwerra fatali f’Gaża, fejn sal-lum inqatlu 72,740 persuna, bil-maġġoranza jkunu tfal, nisa u anzjani. 

Għalkemm il-Parlament ta’ Iżrael għadda l-liġi dwar il-Piena tal-Mewt għat-Terroristi f’Marzu, li hi mmirata lejn Palestinjani misjuba ħatja ta’ reati ta’ terroriżmu, din ma tapplikax retroattivament. Dan kien ifisser li kienet meħtieġa leġiżlazzjoni separata biex tittratta lil dawk allegatament involuti fl-attakk. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport