Wednesday, April 24, 2024

‘Brass Masterclass’ fil-Każin tal-Banda Trinità Qaddisa

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Banda fi ħdan is-Socjetà Muzikali Trinità Qaddisa tal-Marsa, bl-għajnuna u kollaborazzjoni ma’ Aġenzija  Żgħażagħ, se torganizza ‘Brass Masterclass’ li għaliha jistgħu jattendu aljievi, studenti tal-mużika, bandisti kif ukoll dawk kollha interessati fis-suġġett.

Din il-‘Brass Masterclass’ se titmexxa mill-kurunettista professjonali Mark Saliba u se ssir fil-Każin tal-Banda Trinità Qaddisa, li jinsab fi Triq Balbi, l-Marsa, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju, fis-7.00 p.m. Bħal ma kienu l-masterclasses l-oħra organizzati matul ix-xhur li għaddew mill-Kummissjoni Banda fi ħdan is-Socjetà Muzikali Trinità Qaddisa, l-attendenza għal din il-‘Brass Masterclass’ se tkun bla ebda ħlas.

Dawk interessati li jattendi huma mitlubin jinformaw b’dan billi kmieni kemm jista’ jkun jibgħatu email fl-indirizz elettroniku: [email protected] jew iċemplu fuq in-numru tat-telefon 7961 9294.

Intant, il-Kummissjoni Banda fi ħdan is-Socjetà Muzikali Trinità Qaddisa bħalissa għaddejja bl-iskema, “Notini, Żvilupp Mużikali” li permezz tagħha qed tħajjar u tħeġġeġ lil dawk kollha interessati, b’mod speċjali tfal u żgħażagħ, biex jibdew jitgħallmu l-mużika fl-Iskola tal-Mużika tal-istess Soċjetà. It-tagħlim kollu li jingħata jsir bla ħlas minn Mro David Joseph Sammut u l-assistent tiegħu Quentin Zammit.

Hekk kif l-istudenti jtemmu t-tagħlim tat-teorija, dawn jingħataw strument  biex b’hekk jkun jista’ jkompli jitgħallem bih. Jingħata ċ-ċans lill-istudenti jdoqqu waqt kunċert ċkejknin bħala prattika u maż-żmien joħorġu jdoqqu wkoll mal-Banda Trinità Qaddisa.

Aktar dettalji dwar din l-iskema, li wkoll qed issir b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija  Żgħażagħ, jistgħu jinkisbu mill-Każin tal-Banda Trinità Qaddisa, l-Marsa.

Sport