Pedro Paolo Gonzalez, Brażiljan ta’ 29 sena ġie arrestat wara li allegtament inqabad bi 11-il kilogramma kannabis. Hu rċieva din id-droga f’żewġ pakketti suspettużi.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti qalet li fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Brażiljan kien irċieva pakkett mill-MaltaPost li fih kien hemm madwar kilo kannabis. Fil-jiem ta’ wara rċieva t-tieni pakkett li fih kien hemm madwar żewġ kilos ħaxixa tal-kannabis.
Il-Pulizija qalu li dawn iż-żewġ pakketti kienu ndirizzati lil Pedro Paolo Gonzalez li minn investigazzjoni li għamlet il-pulizija m’għandu l-ebda peress ta’ residenza jew permess tax-xogħol.
Hu ġie arrestat hekk kif mar jiġbor dawn il-pakketti mill-Posta. Wara, il-pulizija marru fir-residenza tiegħu fejn sabet madwar disa’ kilos kannabis u 80 gramma MDMA.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi filwaqt li d-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest.