Brian Cini huwa ċ-champion nazzjonali tas-snooker għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu hekk kif fil-finali tal-Kampjonat Premier li ntlagħbet il-Ġimgħa filgħaxija fl-akkademja tas-snooker fil-Ħamrun, huwa għeleb lil Duncan Bezzina 6-5.
Dan is-sit tkellem ma’ Cini nnifsu fejn tana xi kummenti rigward din ir-rebħa. Fi kliemu: “Li tirbaħ l-unur ta’ champion ta’ Malta huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Dan għaliex dan huwa kampjonat li jdum għaddej iktar minn seba’ xhur. Ovvjament f’dan iż-żmien trid tibqa’ tittrenja biex iġġib riżultati tajbin. Din kienet ir-raba’ final tiegħi, u ninsab kuntent ħafna li rnexxieli nirbaħ il-finali kollha li kont involut fihom.”
“Bdejt l-istaġun tajjeb ħafna fejn irnexxieli wkoll nagħmel break ta’ 137 f’waħda mil-logħob tal-gruppi. Peró, biex inkun onest f’dawn l-aħħar ġimgħat ma kontx fl-aqwa forma tiegħi, iżda xorta waħda ninsab kuntent li rnexxieli nirbaħ dan it-titlu tant prestiġjuż.”