Saturday, April 27, 2024

Il-PL jirbaħ l-elezzjoni fl-Awstralja… Albanese jwiegħed li se jgħaqqad il-pajjiż

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali wara għaxar snin fl-Oppożizzjoni.

“Irrid ngħaqqad l-Awstraljani flimkien”. Din kienet l-għajta tal-Prim Ministru Awstraljan ġdid Anthony Albanese.

Albanese wassal messaġġ ta’ għaqda u tama fl-ewwel diskors tiegħu wara li ġie konfermat li rebaħ l-elezzjoni fl-Awstralja.

“Irrid infittex l-iskop komuni tagħna u nippromwovi l-għaqda u l-ottimiżmu, mhux il-biża’ u l-firda. Li nikkollaboraw u naħdmu man-nies hija turija ta’ saħħa u mhux bil-kontra”, kompla Albanese filwaqt li ħeġġeġ lill-Awstraljani biex jaħtfu l-opportunitajiet biex ikunu parti minn din il-mixja tiegħu. Żied jgħid li b’Awstralja iżjed magħquda, il-pajjiż jista’ “jtemm il-ġlidiet tat-tibdil tal-klima”, isir “superpotenza” tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll issaħħaħ l-ekonomija u l-kura tas-saħħa, speċjalment il-kura tat-tfal.

Huwa wiegħed ukoll li se jistabbilixxi kummissjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni, u afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għad-drittijiet tan-nisa u tal-popli Indiġeni.

Temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-kollegi tal-partit tiegħu, lit-tim tal-kampanja u lill-familja.

Albanese se jieħu post Scott Morrison li kien qed imexxi l-koalizzjoni Liberali – Nazzjonali, li ma ġabitx biżżejjed siġġijiet biex tiggverna.

Sport