Monday, April 15, 2024

ZELENSKY MA KIENX L-EĊĊEZZJONI

L-Avukat Joe Brincat

Aqra wkoll

Emnuni ddejjaqt sal-pont ta’ mnieħri,  li kull min ikellimna minn barra,  irid jagħtina lezzjoni, u aħna ta’ gwejdin irridu noqogħdu nisimgħu u nixtarru .  Il-ġurnali Maltin mal-ewwel jagħtu raġun lil barrani.   Agħar minn meta konna legalment kolonja. Telqu l-Ingliżi u faqqsu ħafna u ħafna oħrajn flokhom.  Kulħadd jgħallimna,  kulħadd iċanfarna,  kulħadd irid jgħidilna kif għandna nimxu.  Jonqosna biss li bħat-trabi li jkun telqu jimxu,  jagħmlulna r-riedni tal-ġild minn wara daharna.

Zelensky  ma kienx eċċezzjoni.  Ġie biex imaqdarna u jindaħlilna x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux.   X’jimpurtah li aħna suppost li pajjiż indipendenti u newtrali.  U li nżommu ekwidistanti mis-superpotenzi.

Darba kien hemm Avukat Ġenerali li kien ta parir lil Dr Fenech Adami li dak l-artiklu spiċċa għax kien baqa’ biss superpotenza waħda.  Kemm kien bravi Borg Barthet.  Illum hawn tlett superpotenzi,  u waħda minn hija r-Russja li Borg Barthet u Fenech Adami kienu ħasbu li sparixxiet.  

U l-ġurnali Maltin,  il-perċimes it-Times of Malta,  fil-kitba riedet turi li la Zelensky maqdar lill-gvern,  allura Zelensky bravu u għandu raġun.   Jien ngħid li hu bravu.  Meta kellu dahru mal-ħajt ferm qabel il-gwerra u l-media Ewropea kienu qed jikxfu l-iskandli tiegħu u ta’ martu,  ħareġ li ried jidħol fl-Unjoni Ewropea u anke fin-NATO.  Il-ġurnali tal-Punent mal-ewwel qisuh ħabib tagħhom,  tawh assoluzzjoni,  u intesew id-dnubiet kollha li kienu jsemmulu.

U imbagħad jiġi hawn u jagħtina lezzjoni ta’ kif għandu jitmexxa pajjiż!!  

Mhux aħjar qabel nistiednu lil xi ħadd,  minflok naħsbu li għandna media event u spettaklu,  inqisu kollox,  inkluża l-Kostituzzjoni tagħna,  jekk għandna nemmnu fiha u ma sirniex kolonja.

Inċident ieħor huwa dwar kawża li spiċċat bi ftehim fl-Irlanda fejn Irlandiż ingħata somma kibra minħabba inċident tat-traffiku li ġara hawn Malta.   Ma kienx hemm sentenza tal-Qorti Irlandiża,  imma kien hemm ftehim bejn l-insurance u l-individwu. L-Avukat tal-imweġġa’  għamel attakk bla sens fuq Malta.  Dan huwa sempliċement avukat u ma għandu l-ebda awtorità superjuri.   Il-kritika tiegħu spiċċat fuq il-ġurnali bħala tmaqdir lejn l-Istat Malti u qrajna kif ċertu ġurnali ġabu b’‘għoġba kbira l-kliem vojt tal-avukat.

Sa hawn wasalna. 

Imma mbagħad hemm oħrajn li ktibt ħafna dwarhom.  U dawn huma l-professuri mustaċċuni tal-Kummissjoni ta’ Venezja.  Fost ħafna pariri li taw kienet fuq l-għażla tal-President li jrid ikun b’żewġ terzi tal-parlament,  għax inkella jibqa’ dak li jkun hemm.  S’issa għadha ma ġratx,  imma immaġinaw li meta Dr George Vella jagħlaq il-ħames snin ma jkunx hemm qbil,  u allura Dr Vella jkollu jibqa’ sakemm isibu ieħor. 

Tgħiduli fejn sejjer b’rasek.  Fejn mort b’ilsieni tafu għax ktibt fuq li ktibt fuq id-difetti tal-pariri tal-Kummissjoni ta’ Venezja.  Imma kien ħela ta’ rieq u leħen jgħajjat fid-deżert tas-Sahara,  mhux f’Malta.

Tgħiduli ma tarax li dan ma jiġrix.   

Diġa ġara u kif.  Mela kien hemm Ombudsman,  magħżul għal 5 snin,  li għalqulu f’Marzu, ta’ sena ilu.  Biex isir ieħor floku jrid ikun hemm qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u jivvutaw b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. 

Ilu sena li skada,  u xorta għadu hemm,  inklużi l-konsulenti li għażel hu,  insomma l-partiti ma qablux u allura iż-żewġ terzi ma hemmx.

Sirt naf li kien hemm diskussjonijiet u ġie mressaq isem ta’ Prim Imħallef li kien aċċetta minn kulħadd meta sar Prim Imħallef,  anke mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.   Kariga importanti ħafna dik,  imma kulħadd kien jaf li ma jħarisx lejn l-ilwien.  Inħoloq Bernard Grech u oppona għalih.  

Dan hu l-istess Bernard Grech li kontra ta’ dak li sar dejjem that gvernijiet Nazzjonalisti, jippretendi li jindaħal hu ħalli jagħżel l-Ispeaker.   Sewwa sar li qatgħulu l-għatx bil-perżut.  

Flok l-istituzzjonijiet  jsiru aktar demokratiċi se jkun hawn  staġnar! Il-ġurnali, la  l-bsaten fir-roti qed jagħmilhom Bernard Grech u sħabu,  mhux se jlissnu kelma u jagħtu raġun lill-gvern.  Naturalment mhux se jagħtu tort lil Bernard Grech.

Kontra dak li għedt fuq l-istedina lill-barranin,  naħseb wasal il-waqt li nistiednu l-kummissjoni ta’ Venezja u tgħidilna kif nistgħu noħorġu minn basal bħal dawn?   Dawn pinġew stampa sabiħa qisha Venezja,  imma mbagħad insew li kultant ikun hemm bżonn gondola biex ma tibqax imwaħħal f’post wieħed.   Il-gondola nsewha.

Ekonomija

Sport