Sunday, May 19, 2024

Bruno Fernandes se jkun qed idaħħal £240,000 fil-ġimgħa ma’ Manchester United

Aqra wkoll

Il-ftehim il-ġdid propost ta’ Bruno Fernandes ma’ Manchester United kien irrapurtat li l-playmaker Portugiż se jkun qed idaħħal £240,000 fil-ġimgħa f’Old Trafford.

Il-player ta’ 27 sena mhux mistenni jsir free agent sas-sajf tal-2025 iżda huwa mifhum li jinsab viċin li jifirma kuntratt ġdid ta’ ħames snin mat-team immexxi minn Ralf Rangnick.

Fernandes fil-biċċa l-kbira tħabat biex juri l-aqwa forma tiegħu f’dan l-istaġun iżda għad skorja disa’ goals u rreġistra 14-il assist f’37 partita fil-kompetizzjonijiet kollha, bi 15 minn dawn il-kontribuzzjonijiet jaslu f’27 partita tal-Premier League.

Huwa mifhum li l-ftehim il-ġdid ta’ Fernandes jiswa £240k fil-ġimgħa, iżda l-ex player ta’ Sporting Lisbon xorta mhux se jkun fost il-ħames players l-aktar imħallsa fil-club.

Cristiano Ronaldo hu mifhum li jdaħħal £480k fil-ġimgħa f’Old Trafford, filwaqt li David de Gea, Jadon Sancho, Raphael Varane u Paul Pogba jikkompletaw l-aqwa ħamsa.

Fernandes skorja total ta’ 49 goal u rreġistra 39 assist f’117-il logħba għar-Red Devils mill-wasla tiegħu f’Jannar 2020.

Sport