Saturday, May 4, 2024

BUDGET 2024: Se jerġa’ jingħata ċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa

Ninvestu fl-akbar riżors ta' pajjiżna: In-nies

Aqra wkoll

Minbarra li s-sena d-dieħla se jkomplu l-miżuri li jtejbu l-pagi tal-ħaddiema bħat-tnaqqis fit-taxxa tal-part-time u t-taxxa tal-overtime, it-Tax Refund li beda jingħata f’dawn l-aħħar snin minn dan il-Gvern se jerġa’ jingħata s-sena d-dieħla. Iċ-ċekk se jkun bejn €60 u €140 bl-ogħla somma tibqa’ tingħata lil dawk bl-aktar dħul baxx. Minn din il-miżura se jibbenefikaw ‘il fuq minn 250,000 persuna b’nefqa totali ta’ €26 miljun. 

Tħabbar ukoll aktar titjib fir-rati tal-in work benefit. Il-Gvern se jżid €50 għal kull wild fil-familja taħt it-23 sena. Din hi l-ewwel minn erba’ żidiet imwiegħda fil-manifest elettorali. Din iż-żieda se tolqot madwar 23,000 familja b’34,500 tifel u tifla. B’kollox in-nefqa fuq l-inwork benefit se titla’ għal €16-il miljun.

Mis-sena d-dieħla l-paga minima se tissaħħaħ b’mod sostanzjali fuq numru ta’ snin bi qbil mal-imsieħba soċjali. Sal-2027, il-paga minima se tiżdied bejn €12 u €18 fil-ġimgħa u dan minbarra l-COLA statutorja li trid tingħata fil-perjodu msemmi. 

Fis-sena li ġejja, il-Gvern se jkun qiegħed ipoġġi bilqiegħda ma’ numru ta’ unjins  li huma firmatorji għal kategoriji varji ta’ ħaddiema fis-Servizz Pubbliku biex jiġi diskuss l-akbar ftehim kollettiv tal-pajjiż. 

Sadanittant, il-Ministru Caruana kompla jispjega li l-liġi tat-taxxa toffri inċentivi fiskali biex Malta tattira l-impjieg ta’ persuni barranin f’ċertu kategoriji speċjalizzati. Qal li se jiġu riveduti r-regoli kollha li ħarġu maż-żmien biex jiġu kkonsolidati taħt sistema waħda b’kundizzjonijiet uniformi. Barra minn hekk, se jiġu aġġornati sabiex ikunu aktar konformi mal-eżiġenzi tal-iżvilupp ekonomiku ta’ dawn l-aħħar snin. 

Aktar investiment fl-edukazzjoni

Fl-2024 se tibda l-ewwel fażi ta’ rinovar u modernizzar fuq l-iskola primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi filwaqt li jibdew il-fażijiet preliminari fuq skejjel primarji ġodda fil-Mosta u l-Mellieħa. Fir-Rabat Għawdex għaddej b’pass tajjeb il-pbini tal-iskola Primarja ġdida kif ukoll l-estensjoni u r-rinovar estensiv tal-Middle School b’investiment ta’ €21 miljun. F’Jannar tas-sena d-dieħla x-xogħlijiet fuq il-Middle School se jkunu tlestew u b’hekk l-istudenti u l-għalliema se jkunu jistgħu jidħlu fl-iskola l-ġdida.  L-iskola primarja mistennija tkun lesta sa Awwissu 2024.

Is-sena d-dieħla, l-istipendji se jkunu qed jerġgħu jiżdied bir-rata tal-għoli tal-ħajja pro-rata. Dan ifisser żieda ta’ €64 f’sena. Iżda mhux biss. Il-Gvern se jkompli jżid b’mod sostanzjali l-istipendji f’korsijiet partikolari. 

“Qed nindirizzaw il-bżonn ta’ iktar nies imħarrġa f’setturi kruċjali għat-tranżizzjoni ekonomika ta’ pajjiżna jew f’oqsma importanti fejn il-pajjiż għandu nuqqas bħal għalliema ta’ livell primarju jew għalliema tal-istudji xjentifiċi u matematiċi,” qal il-Ministru Caruana.

Dwar il-qasam tas-saħħa, huwa spjega li fl-2023 issokta l-investiment u l-progress fuq numru ta’ proġetti kapitali, fosthom iċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran b’fond tal-Unjoni Ewropea li mistenni jibda jopera s-sena d-dieħla.

Semma wkoll l-immodernizzar tas-swali fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Monte Carmeli, il-proġett tal-bini ta’ Bank tad-Demm ġdid u l-infrastruttura ġdida tad-Dipartiment tal-Emerġenza fost oħrajn.

Sport