Tuesday, December 24, 2024

Budget bi prijorità li jiddefendi l-għajxien tal-familji

L-ekonomista Dr Gordon Cordina

Aqra wkoll

Huwa ċar li dan il-budget qed jagħti prijorità li jiddefendi l-għajxien tal-familji bi stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija u inizjattivi oħra sabiex jilqgħu għall-inflazzjoni fil-prezzijiet li ġejja minn barra minn xtutna. Din hija sitwazzjoni li għandha tittaffa fi żmien sena jew tnejn u li għandha tħalli lill-pajjiż biex jiffoka iktar fuq miżuri oħra. 

Hekk stqarr l-ekonomista ta’ esperjenza Dr Gordon Cordina f’kumment li ta dwar il-Budget għas-sena 2023 li tħabbar it-Tnejn li għadda mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

L-ekonomista Cordina sostna li tajjeb li jingħad ukoll li l-budget mhuwiex l-uniku strument li juża l gvern biex ikattar l-ekonomija, jibqgħu għaddejjin diversi inizzjativi oħra f’numru ta oqsma, li mhumiex relatati direttament mal-budget. 

“Mill-banda l-oħra, iż-żidiet fl-għoli tal-ħajja se jkunu ta’ sfida qawwija għall-intrapriżi li jħaddmu ħafna nies b’ pagi baxxi, inkluz dawk f’diversi oqsma tat-turiżmu, fejn tolqot lukandi, trasport, ħwienet u oħrajn. Dan filwaqt li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali ma jkunx jippermetti żidiet fid-dħul tagħhom. Għalhekk importanti li dawn is-setturi jibqgħu sostnuti, għax irridu jew ma rridux, se jkomplu jipprovdu impjiegi bl-eluf għal numru ta’ snin li ġejjin.

Filwaqt li tajjeb li l-budget qed jaħdem biex iżomm l-ekonomija f’qagħda li tkun tiflaħ għad-daqqiet li ġejjin minn barra, importanti li nħarsu fit-tul. Il veru vantagg kompetittiv li jista’ joffri pajjizna lil diversi setturi ta’ attività huwa l-istil ta’ ħajja Mediterranju li kulhadd ikun jixtieq igawdi minnu. Mingħajr dan, ħafna mill investment u negozju ma’ barra ma jseħħx”.

Huwa żied jikkummenta illi għalhekk huwa importanti li l-iżvilupp ekonomiku ikun ħaġa waħda mat-tkattir tal-kwalità tal-ħajja, fejn għandu jitħares u jiġi mtejjeb l-ambjent li qed nghixu fih u r-relazzjonijiet fil-familji u l-komunitajiet Maltin.

Ekonomija

Sport