Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ddikjara li x-xogħol fil-qasam tax-Xogħlijiet Pubbliċi ma jittrattax biss it-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali, iżda dwar il-ħolqien ta’ opportunitajiet, titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd u tħaddim ta’ viżjoni sostenibbli għal pajjiżna.
“Għalhekk, huwa ta’ pjaċir kbir li nressaq dan id-diskors fejn nuri b’mod ċari x’ġie mwettaq u x’se jseħħ bil-Budget għas-sena 2025 b’investiment rekord ta’ kważi €20 miljun,” qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia fil-Parlament meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.
Huwa beda biex spjega li s-sena 2024 kienet sena ta’ kisbiet importanti, li mhux dejjem forsi jidhru iżda li se jiswew mitqlu deheb fil-futur qarib. Fis-sena li għaddiet, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi mexxa fuq 80 proġett attiv madwar Malta. Dawn il-proġetti kienu diversi: infrastrutturali, ta’ restawr, tisbiħ u riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa kemm urbani kif ukoll ħodor.
Matul din is-sena komplew ikunu ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali b’ħidma fuq diversi proġetti fosthom l-iffirmar ta’ żewġ MOUs mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u l-Imqabba biex ir-residenti jkollhom Ċentru Ċiviku li jkun jinkludi fihom Ċentru ta’ Matul il-Jum, Ċentru tas-Saħħa kif ukoll librerija.
Huwa semma wkoll li fi ftit tal-jiem oħra se jħabbar l-installazzjoni ta’ 16-il infrastruttura ġdida għall-iċċarġjar tal-karozza madwar iż-żona ta’ Ta’ Qali. B’fondi Ewropej u b’investiment ta’ madwar €3 miljun, 20 lokalità se jkunu jistgħu jinstallaw total ta’ 374 infrastruttura solari ġdida.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia elenka wkoll uħud mix-xogħlijiet li se jkunu qed isiru matul is-sena 2025. “B’sodisfazzjon, nista’ nħabbar kif fl-Imqabba ser inkunu qegħdin, nirriġeneraw u nibdlu tal-Ġibjun fi spazju miftuħ u aħdar għall-familji tagħna.”
“F’Birżebbuġa, proġett ambizzjuż iżda bżonnjuż għar-residenti u dawk kollha li jżuru lil din il-lokalità. Bħala Public Works ser naħdmu fuq ir-riġenerazzjoni tal-promenade kif ukoll ta’ Ġnien Anton Tabone.
“Il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali: It-tlestija tal-car park fuq żewġ livelli u żoni ta’ picnic ġodda biex dan il-park isir wieħed mill-aktar siti attrezzati fil-pajjiż.
“Il-Pjazza tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi ser tkun qiegħda tinbidel fi spazju miftuħ u pedonali.
“Ġnien Raymond Caruana fil-Gudja u Misraħ San Nikola f’Ħaż-Żabbar: Spazji ġodda li se joffru ambjent sigur u nadif għall-komunitajiet.
“Proġetti għat-taffija tal-għargħar: Se nibdew proġetti ġodda f’Birżebbuġa, il-Marsa, Ħal Kirkop, Ħal Qormi, l-Imsida, Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta.
“Dawn ix-xogħlijiet ser isiru biex naraw li l-infrastruttura tal-ilma tax-xita tkun aktar effiċjenti u sigura. Xogħlijiet li se jsiru b’investiment totali ta’ madwar €2 miljun.”