Tuesday, October 27, 2026
Home Fehmietna BUDGET B’TAĦLITA TA’ MIŻURI

BUDGET B’TAĦLITA TA’ MIŻURI

0
79

Dan l-ewwel Budget għal din il-leġiżlatura jixhed l-impenn tal-Gvern li minn sena għal oħra jkompli jibni u jsaħħaħ il-qasam soċjali u jissokta jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Huwa budget li jħares lejn il-futur waqt li jikkonsolida l-preżent. 

Fiċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi dinjin, mhijiex komuni l-prassi li miżuri soċjali jiżdiedu fl-istess waqt li jitnaqqas il-piż tat-taxxi. Dan jikkuntrasta ma’ dak li qed jiġri f’diversi pajjiżi Ewropej li f’dawn l-aħħar jiem kienu maħkumin minn irvellijiet u dimostrazzjonijiet miċ-ċittadini tagħhom stess. 

F’Malta, dan l-inkwiet kollu ma seħħx grazzi għall-ekonomija b’saħħitha li dan il-Gvern bena fl-aħħar snin u li tagħti l-kapaċità lill-istess Gvern biex ikompli jibni fuq dak li diġà sar.

Miżura ġdida tirrigwardja lir-romol, minn dan il-budget se jibdew igawdu mill-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi li kellhom il-konjugi tagħhom. Ma’ dan hemm ukoll iż-żieda ta’ €10 oħra fil-ġimgħa lill-pensjonanti, li tammonta għal żieda ta’ €520 fis-sena. 

Ir-responsabbiltà tal-Gvern f’kull budget mhijiex biss it-twessigħ tal-benefiċċji soċjali imma tinvolvi wkoll titjib fl-infrastruttura tal-pajjiż li meta nsemmuha nkunu qed nitkellmu dwar mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Huwa għalhekk li l-Gvern qed iħares lejn proġetti varji li jindirizzaw sfidi attwali ta’ pajjiżna bħalma huma l-provvista tal-elettriku, it-traffiku, l-għoli tal-ħajja u s-settur tas-saħħa fost oħrajn. 

Fatt ieħor ta’ kemm l-ekonomija hi b’saħħitha u kemm il-finanzi pubbliċi qed jintefqu bl-għaqal, huwa li dawn qed joffru spazju biżżejjed biex il-Gvern ikun jista’ jkompli għaddej jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils bi kważi 400 miljun ewro.

Il-Budget għas-sena d-dieħla jaħseb ukoll għal tnaqqis ta’ 10% fit-taxxa lill-kumpaniji żgħar li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx il-miljun ewro. Dan filwaqt li fih miżuri li jolqtu lis-settur turistiku, bl-aktar miżura sinifikanti tkun iż-żieda fl-ekokontribuzzjoni.

Fuq kollox, waħda mill-miżuri ewlenin ta’ dan il-Budget kienet bla dubju dik tas-Super Bonus ta’ €1,000, li se jingħata fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Miżura li tikkonferma kemm dak li l-Gvern iwettaq dak li jwiegħed.

B’dawn il-miżuri kollha u oħrajn ġodda magħhom, il-poplu għandu moħħu mistrieħ mill-futur tiegħu u li se jibqa’ Gvern ta’ spalla li jgħinu fejn ikun l-aktar meħtieġ. Dan jorbot ukoll mal-viżjoni tal-Gvern li trid twassalna sal-2050, b’miri intermedjarji sal-2035 u x-xogħol jibqa’ għaddej għas-snin ta’ wara. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here