Saturday, May 4, 2024

Budget intenzjonat li jtejjeb b’mod tanġibbli l-qagħda finanzjarja tal-aktar vulnerabbli

- L-Analista Finanzjarju Steve Ellul

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Analista Finanzjarju Steve Ellul qal li l-budget ta’ din is-sena kien wieħed li wieżen liż-żgħir. Huwa qal li fi żmien ta’ ħafna  inċertezza u sfidi ekonomiċi, dan il-budget se jdaħħal numru sostanzjali ta’ miżuri li jsaħħu l-bwiet tal-familji tagħna – speċjalment ta’ dawk in-nies li qegħdin l-aktar iħossu il-piż tal-għoli tal-ħajja. 

“Il-messaġġ ewlieni li ħareġ ċar minn dan il-budget kien it-tisħiħ tad-dħul disponibbli tal-poplu kollu. Budget intenzjonat li jtejjeb b’mod tanġibbli l-qagħda finanzjarja tal-iktar setturi ta’ nies vulnerabbli ta’ pajjiżna. F’moħħi, jiġu nies bħal pensjonanti, ħaddiema fuq il-paga minima u persuni b’diżabbilità”, kompla l-Analista Finanzjarju. 

Huwa qal li dawn in-nies, u ħafna oħrajn, se jesperjenzaw żieda storika fil-pensjonijiet, flimkien mal-ftehim biex tiżdied il-paga minima tul medda ta’ erba’ snin. Dan minbarra l-estensjoni tal-mekkaniżmu COLA plus li issa se tkopri aktar minn 95,000 familja, li wħud minnhom jistgħu jaraw id-dħul tagħhom supplimentat b’xejn inqas minn €1,500. 

Fejn jidħlu pensjonanti, Ellul qal li dawn se jesperjenzaw l-akbar żieda fl-istorja. Żieda li għal bosta ser tkun ekwivalenti għal xahar pensjoni addizzjonali. 

Żdied ukoll l-inċentiv sabiex aktar nies jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar billi jkompli jitnaqqsilhom l-ammont mill-paga li ser tiġi ntaxxata. Interessanti ħafna li l-Gvern ser itejjeb iż-żieda fil-pensjoni għal dawk li jipposponu l-irtirar tagħhom sa’ massimu ta 29%. 

“Dan huwa eżatt x’kellu bżonn pajjiżna hekk kif qeghdin inbatu minn tant nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet”, sostna Ellul.

Huwa kompla biex jgħid li l-kwalità tal-ħajja ma titqies biss bil-flus, iżda pajjiżna jrid ikollu ambjent sostenibbli fejn jgħix. B’hekk, dan il-budget rdoppja l-investiment biex l-ispazji miftuħa ħodor jiżdiedu bi 80,000 metru kwadru ieħor. 

Tkellem ukoll kif, l-iskema tal-first time buyers ġiet miżjuda għal persuni li jixtru proprjetà f’arja UCA ġewwa Għawdex u ma’ dan, il-Gvern se jerġa’ jgħolli l-bolla li għandha tiġi mħallsa minn xerrej f’kull proprjetà f’Għawdex. Dan kollu bl-għan li Għawdex issir gżira ta’ villaġġi.

“Dan huwa budget li jibgħat messaġġ qawwi ta’ għarfien soċjali u li jħares speċjalment lil dawk in-nies vulnerabbli li m’għandhomx ibatu l-konsegwenzi tal-isfidi ekonomiċi tad-dinja. Budget li jwieżen liż-żgħir kif ukoll jappoġġja lill-industrija biex issir aktar kompetittiva u tiġġenera tkabbir ekonomiku ta’ kwalità”, temm Ellul.

Sport