Saturday, November 9, 2024

UNL: Malta b’rebħa meritata fuq il-Moldova

Aqra wkoll

Malta ………..1

Moldova ……0

Minn Cristian Muscat

F’wirja li mmaturat fit-tieni taqsima, Malta għelbet lill-Moldova bl-iskor ta’ 1-0 valida minn League D2 tal-UEFA Nations League liema rebħa setgħet kienet akbar.

Wara li l-Moldovani kellhom bidu pjuttost veloċi, mal-ħin, il-Maltin bdew jissetiljaw iżda l-kostruzzjoni of­fensiva bdiet tasal biss sa tliet kwarti ta’ ground hekk kif id-difiża Moldovana, komposta minn ħames players,  kienet puntwali biex “tifga” l-furja tagħna.

Għaldaqstant, il-Maltin bdew jirrikorru għal crosses fit-tul liema tattika ma bdietx tirnexxi. 

Fit-tieni taqsima, il-Maltin kienu trasformati,  territorjalment aħjar u bnew pressjoni fuq il-lasti avversarji … biex meritatament fl-aħħar mumenti ġejna ppremjati.

Fid-debutt tiegħu bħala coach temporanju, Davide Mazzotta, ta d-debutt lil tliet players – il-Brażiljan ta’ Gzira United li ġie naturalizzat Malti ftit tal-jiem ilu, Gabriel Bohrer Mentz u lil Trent Buhagiar li jilgħab ma’ Brescia fis-Serie B Taljana … kif ukoll lil Basil Tuma (Reading FC) li fil-bidu tat-tieni  taqsima daħal minflok Buhagiar.  

Kienu l-avversarji li ħarġu fuq l-offensiva biex isibu goal kmieni konxji mill-fatt l-Maltin riedu jirbħu b’differenza ta’ tliet goals biex jiksbu l-promozzjoni għal League C.

Kien fis-seba’ minuta li l-Moldovani ħolqu l-ewwel periklu meta mill-free-kick ta’ Mikhail Caimacov, fi tliet sensiliet konsekuttivi, il-Maltin imblukkaw ix-xuttijiet ta’ Victor Mudrac, Artur Craciun u Sergiu Platica.

Ir-reazzjoni tal-Maltin waslet erba’ minuti wara, b’xutt dgħajjef ta’ Joseph Mbong li falla kompletament il-mira.

Fl-14-il minuta, Matthew Guillau­mier antiċipa fil-ħin lil Artur Ionita li ġie żmarkat għal kollox minn Caimacov hekk kif seta’ ħarab waħdu.

Fl-20 minuta, wasal l-ewwel xutt Malti li nkwadra l-lasti meta Kurt Shaw seraq il-ballun mingħand Caimacov u minn tarf il-kaxxa venven xutt fil-baxx iżda l-goalkeeper, Dumitru Ce­leadnic, salva mingħajr wisq tbatija.

Fis-26 minuta, mill-free-kick ta’ Buhagiar, id-daqqa ta’ ras ta’ Mentz spiċċat għoli u niżlet fuq ix-xibka minn barra biex iċ-ċans intilef.

Fil-31 minuta, il-Maltin resqu viċin li jiftħu l-iskor meta l-free-kick mogħti minn Teuma mid-distanza, qabeż għal kollox lid-difiża Moldovana u kien għoddu ħasad għal kollox lill-goalkeeper Celeadnic, li iżda, kien pront irrimedja u ħataf il-ballun.

Fil-35 minuta, il-goalkeeper Henry Bonello, kien providenzjali għal Malta meta salva tajjeb fuq xutt angolat mill-iżmarkat Vitalie Damascan.

Fil-ħin miżjud, konna se nsofru l-ewwel goal meta minn azzjoni mejta l-ballun waqa’ għand Ionita li minn taħt il-lasta t-tentattiv tiegħu ġie nnewtralizzat f’corner.

It-tieni taqsima bdiet b’save stupend tal-goalkeeper Celeadnic hekk kif il-corner ta’ Teuma deher destinat għal ġox-xibka.

Fis-70 minuta, cross insidjuż ta’ Camenzuli ġie kklerjat ħażin mid-difiża avversarja fil-kaxxa ż-żgħir biex il-ballun waqa’ wara Shaw li kien f’pożizzjoni ideali fejn seta’ jikkon­kludi.  

Għaxar minuti wara, f’azzjoni korali l-Maltin resqu viċin iżda Kemar Reid ġie nnewtralizzat fil-ħin hekk kif daħal fil-kaxxa ż-żgħira.

U l-mument li kulħadd kien qed jistenna wasal fit-87 minuta meta l-Maltin ngħataw penalty hekk kif Tuma ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Vladislav Baboglo wara li daħal għal rebound … biex mill-11-il metru TEDDY TEUMA xeħet  lill-goalkeeper Celeadnic fuq in-naħa l-ħażina.

Fl-94 minuta, stajna rduppjajna meta rbaħna penalty għal hands ta’ Mandricenco iżda din id-darba l-istess Teuma xeħet għoli. 

MALTA:  1-Henry Bonello,  2-Jean Borg, 3-Ryan Ca­menzuli,  4-Gabriel Bohrer Mentz (22-Zach Muscat 92), 5-Kurt Shaw (23-Luke Tabone 91), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 8-Paul Mbong (14-Alexander Satariano 71), 10-Teddy Teuma, 11-Luke Montebello (9-Kemar Reid 46), 19-Trent Buhagiar  (13-Basil Tuma 46)  – Coach: Davide Mazzotta

MOLDOVA: 1-Dumitru Celeadnic, 2-Oleg Reabciuk, 4-Vladislav Baboglo,  6-Denis Marandici (13-Maxim Cojocaru 46), 7-Artur Ionita (16-Victor Stina 77), 10-Vitalie Damascan (19-Dmitri Mandricenco 55), 11-Mihail Caimacov, 14-Artur Craciun, 15-Victor Mudrac, 20-Sergiu Platica, 22-Vadim Rata (17-Virgiliu Virgiliu Postolachi 87) – Coach: Serghei Clescenco

REFEREE: John Brooks (Ingilterra)

ASS. REFEREES: Simon Bennett, Daniel Robathan (Ingilterra)

RABA’ UFF: Sam Barrott (Ingilterra)

SKORER: T. Teuma 87 pen (Mlt)

AMMONITI: K. Shaw  G. Mentz, J. Mbong (Mlt); O. Reabciuk, Cojocaru, Caimacov (Mdv)

ATTENDENZA: 5,754

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport