L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet b’sodisfazzjon il-Budget 2025 bit-tema “Pajjiż ta’ Kwalità” billi qed joffri pedament sod għal ekonomija reżiljenti li hija mfassla biex tadatta u tirnexxi minkejja l-isfidi fuq livell globali.
L-MHRA qalet li l-Budget jagħmel enfasi sinifikanti fuq miżuri soċjali filwaqt li jindirizza wkoll is-sostenibilità, l-innovazzjoni u l-infrastruttura, li jservu bħala s-sinsla għat-tisħiħ ta’ setturi ewlenin, b’mod speċjali fuq it-turiżmu.
L-MHRA tenniet li ekonomija reżiljenti ssaħħaħ it-turiżmu billi toħloq ambjent fejn is-servizzi ta’ kwalità, l-inizjativi ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol jistgħu jiffjorixxu.
Dan il-budget jintroduċi finanzjament sostanzjali għal infrastruttura sostenibbli, trasport u indafa pubblika, biex ikun żgurat li s-siti ta’ wirt storiku, l-ispazji pubbliċi u l-faċilitajiet turistiċi mhux biss ikunu aċċessibbli u attraenti iżda wkoll f’linja ma’ prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
L-Assoċjazzoni nnotat li żdied il-Budget allokat għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll l-impenn tal-Gvern li jiffoka fuq il-kwalità milli l-kwantità iżda hawn saħqet li ż-żieda fil-provvista tas-sodod teħtieġ ukoll li n-numri jinżammu matul din it-tranżizzjoni.
Fost affarijiet oħra, l-Assoċjazzjoni faħħret l-impenn tal-Gvern f’dak li jirrigwardja l-għaqal fil-finanzi. Tenniet li dan il-Budget qed juri bidla pożittiva lejn settur turistiku aktar sostenibbli u vibranti.