Tuesday, April 30, 2024

“Budget realistiku ta’ gvern magħqud u mfassal min-nies, għan-nies” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-isfond li għada se jkun qed jitressaq il-budget, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-prijoritajiet tal-gvern huwa li jkollna budget realistiku ta’ gvern magħqud u li ġie mfassal min-nies għan-nies.

Waqt kollegament telefoniku l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru qal li l-aħħar ġimgħat kienu esperjenza sabiħa fejn spikkat il-konsultazzjoni wiesa’ ta’ qabel il-baġit fejn fiha bosta persuni u msieħba soċjali kellhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom u jressqu l-proposti tagħhom. Abela qal li jazzarda jgħid li dan kien wieħed mill-aktar budget li saret konsultazzjoni dwaru.

Semma kif ilbieraħ huwa laqqa’ l-Kabinett flimkien mal-grupp parlamentari fejn qal li spikka l-kontribut enormi tat-tim magħqud tal-gvern fejn permezz t’hekk ġabru l-ħsibijiet u qablu li jkomplu jfasslu l-politika li tejbet il-ħajja tan-nies u li trid tibqa’ ttejjeb il-ħajja tan-nies.

Il-Prim Ministru qal li s-sabiħ li tkun fil-politika huwa li tagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies fejn l-għanijiet ikunu l-ġid li trid toħloq għal lum u l-ġenerazzjonijiet ta’ għada għax id-diskussjoni tkun fuq l-ideat, il-futur u hemm ikollok l-armonija fit-tim. Filwaqt li sostna li din tidher fi ħdan dan il-gvern, din l-armonija ma teżisti fl-ebda livell fi ħdan l-Oppożiżzjoni u għalhekk qal il-poplu ma jistax jieħu r-riskju li jafda bil-futur tiegħu lil min lanqas kapaċi jgħaqqad it-tim li suppost qed jaħdem bih.

Hekk kif qal li jinsabu lesti biex għada jressqu l-pjan għas-sena d-dieħla, qal li r-riżultati jridu jiksbuhom biex isaħħu lil pajjiżna f’kull sens kemm mil-lat ekonomku, kif ukoll min dak soċjali u ambjentali.

Irrefera għall-fatt li meta faqqet il-pandemija f’Marzu tal-2020, kellhom it-tbassir li ħasadhom kemm mil-lat ta’ saħħa kif ukoll min dak ekonomku. F’dan l-isfond huwa qal li mhux biss ikkontrollaw u waqqfu l-agħar milli jsir, talli rnexxielhom inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. 

Abela tkellem ukoll li kull meta bħala gvern wettqu jew introduċew miżuri biex jipproteġu dan kollu, l-Oppożizzjoni kritikat il-mod kif mexa l-gvern tant li bdiet tgħid li qed iberbqu l-flus.

Qal li minn Marzu tal-2020 bħala gvern aġġustaw għar-realtajiet li ġabet magħha l-pandemija. Tkellem ukoll dwar il-prezz tal-petrol u tad-dijżil hekk kif madwar id-dinja kien hemm spjużjoni fil-prezzijiet, xi ħaġa li Abela qal li f’pajjiżna rnexxielna nikkontrollaw u sostna li din ma saritx b’kumbinazzjon iżda dovut għall-għaqal tal-gvern.

Semma wkoll kif għal dan il-gvern, fost l-oħrajn, huma importanti wkoll ix-xogħol u l-opportunitajiet u grazzi għall-ħidma u l-għaqal ta’ dan il-gvern, illum għandna l-inqas rata ta’ faqar u esklużjoni soċjali mindu bdiet tinġabar l-istatistika. Filwaqt li qal li huma konxji tal-isfidi, qal li dawk iridu jindirizzawhom.

Dwar il-pensjonanti, qal li dan il-gvern reġa’ beda jagħtihom id-dinjità. Semma kif neħħew it-taxxa fuq il-pensjonijiet, xi ħaġa li ddeskrivieha li kienet inġustizzja.

Tkellem ukoll dwar is-settur tal-housing fejn il-lista ta’ stennija hija elf inqas milli kienet fl-2012. Semma kif fattur ieħor importanti huwa l-fatt li din baqgħet tonqos waqt il-pandemija. Irrefera wkoll għall-fatt li aktar minn 30,000 saru sidien ġodda ta’ darhom u r-rata ta’ home ownership kompliet tiela.

Il-Prim Ministru qal li dak kollu li jagħmel dan il-gvern huwa biex kulħadd jimxi ‘l quddiem u fakkar li l-pjan tagħhom huwa li jagħlaq id-distakk bejn min jimxi ‘l quddiem u min forsi waqa’ lura.

Qal li għax il-faqar ma jonqosx b’kumbinazzjoni, se jkomplu jieħdu miżuri għal dan il-għan. Biex isir dan hemm bżonn ta’ ekonomija b’saħħitha li tagħtik iċ-ċavetta biex tintroduċi dawn il-miżuri u s-sostnihom.

Temm jgħid li: “huwa dan it-twemmin progressiv li se nibqgħu naraw anke fil-baġit, fl-istess ħin li nifhmu l-prijoritajiet ġodda u l-ħtiġijiet li għandna llum bħala soċjetà.”

Sport