Friday, April 19, 2024

Il-Bżonn t’Ewropa li tikkonsulta lil kulħadd

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet is-Soċjalisti Ewropej iltaqgħu f’Malta, liema laqgħa kellha t-tema t’Ewropa aktar Soċjali. Forsi tgħiduli din it-tema ma xbajniex nisimgħu dwarha? Emmnuni li nifhem lil min jgħid hekk għax din il-frażi tiġi ripetuta sikwit. Biss pero’ fejn jidħol is-soċjal qatt mhu biżżejjed u rridu inżommu f’moħħna li l-Ewropa se tkompli miexja kemm jekk naqsmu ħsibijietna, u anke jekk le, u għalhekk hu essenzjali li nipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet li jseħħu. Aktar minn hekk, irridu wkoll naraw li nkomplu nimbuttaw ’il quddiem dak li nemmnu fih biex verament ikollna futur Ewropew li jibbenefika minnu kulħadd.

Dan aktar u aktar meta, per eżempju, nitkellmu fuq il-futur tal-Ewropa u l-inizjattiva li qed tittieħed mill-Unjoni bil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li qed issir bħalissa. Bħala rappreżentanta tas-Soċjalisti u ta’ Malta fil-plenarja ta’ din il-Konferenza, ninsab determinata li nwassal il-ħsibijiet tal-kostitwenti tiegħi, u dan irrid nagħmlu bl-aktar mod inklussiv possibbli.

Il-ġimgħa li għaddiet infatti, f’avveniment li sar ġewwa Dar il-Mediterran kelli l-okkażjoni li niltaqa’ u nitkellem ma’ diversi żgħażagħ li lkoll ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. Kollha intelliġenti, u aktar minn hekk kollha ġabu punti validi għad-diskussjoni in kwistjoni. F’dan l-avveniment, jekk kien hemm punt li ħareġ b’mod ċar, dan indubjament kien il-fatt li meta nikkonsultaw, ma jistax ikun li nikkonsultaw biss maċ-ċentru. Anzi, biex verament l-Unjoni Ewropea tkun ta’ kulħadd irridu mmorru fil-periferija u ż-żoni rurali, żoni li ħafna drabi jħossuhom minsijin.

Irrid ngħid hawnhekk li apparti li dan għandu jsir għaliex huwa dak li hu mixtieq, għandu jsir ukoll għaliex il-konsegwenzi jekk ma jsirx jaf ikunu gravi. Biżżejjed niftakru per eżempju x’ġara ftit taż-żmien ilu meta r-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Min kienu, dawk li vvutaw biex joħorġu mill-Unjoni fir-Renju Unit? It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija waħda: in-nies li jgħixu f’postijiet rurali, u dawk li jgħixu fil-kampanja. Il-ħsieb allura jiġi waħdu: x’kien jiġri fir-referendum in kwistjoni kieku dak iż-żmien kellna Ewropa aktar inklussiva? Tajjeb allura li nżommu dan kollu f’moħħna, meta naħsbu fuq kif ninvolvu liċ-ċittadini tagħna fil-futur tal-Unjoni.

Laqgħa f’Għawdex

Dan il-punt tal-aħħar, għamiltu wkoll f’avveniment li organizzajt f’Għawdex bl-isem ta’ “Europe Meets Gozo” għal delegazzjoni Soċjalista. Intant, hu importanti li fil-konsultazzjonijiet u attivitajiet li jsiru jiġi ikkonsultat kulħadd u mmorru sal-periferija – in-nies ta’ Marsaxlokk, tal-Mellieħa, u t’Għawdex għandu jkollhom l-opportunita’ li jsemmgħu leħinhom daqs iċ-ċittadini li joqogħdu fiċ-ċentru tal-pajjiż u tal-Ewropa, daqs dawk li joqogħdu f’Berlin u Brussell. Bil-mod il-mod dak hu wieħed mill-għanijiet li qed nipprova nilħaq fil-ħidma tiegħi.

Naturalment, f’din id-diskussjoni f’Għawdex iddiskutejna punti speċifiċi għal Għawdex, b’mod speċjali il-fatt li hemm bżonn li fejn jidħol il-qasam tat-turiżmu nkomplu naħdmu fuq l-awtentiċità tal-prodott Għawdxi u Malti u fuq is-sostenibbiltà. Fl-aħħar mill-aħħar, filwaqt li t-turiżmu sostenibbli u dak riġenerattiv kapaċi jwassal għal titjib ekonomiku, soċjali, u ambjentali, il-‘mass tourism’ li huwa ffukat fuq in-numri, kapaċi jwassal għal aktar diffikultajiet milli benefiċċji.

Irridu naraw ukoll li  daqs kemm l-Ewropa tikkonsulta mal-gżejjer u r-reġjuni tal-periferija u ċ-ċittadini li ġejjin minn dawn l-inħawi, daqs tant ieħor tinvesti fihom. Dan aktar u aktar meta naraw l-ispinta li qed issir fuq livell Ewropew fejn jidħol il-Green Deal, il-miri diġitali u anke fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni. U fejn aħjar minn Malta u Għawdex, biex issir riċerka fuq proġetti sostenibbli li jkunu jridu jiġu ittestjati qabel ma jiġu implimentati f’pajjiżi u bliet ħafna akbar minn tagħna? Dan kapaċi jkun ta’ benefiċċju, kemm għalina u għal gżejjer oħrajn fil-periferija għaliex inkunu aktar inklużi f’investiment teknoloġiku li kapaċi jrendi tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul, u anke għall-pajjiżi l-kbar innifishom, għaliex il-proġetti li jinvestu fihom ikunu tried and tested minn qabel.

Fl-aħħarnett, tajjeb niftakru li jekk naħdmu ilkoll flimkien u b’mod inklussiv, nistgħu navvanzaw aktar ’il quddiem. Il-ħsieb wara t-twaqqif tal-Unjoni Ewropa  kien propju dan, għaliex kapaċi kulħadd imur ’il quddiem u mhux pajjiż imur tajjeb a skapitu ta’ ieħor. Dan il-punt però irid jiġi mfakkar u mbuttat aktar ’il quddiem. Flimkien mal-partijiet interessati Maltin u Għawdxin ser inkompli nara li dan il-messaġġ jasal għand l-istituzzjonijiet.

www.josiannecutajar.com

Sport