Sunday, December 22, 2024

Budget rekord għall-isport Malti u għall-atleti tagħna

Aqra wkoll

Il-Budget 2022 se jkun wieħed rekord għas-settur tal-isport, tant li l-investiment fis-settur u fl-atleti se jiżdied minn €12-il miljun għal €20 miljun, żieda b’madwar €8 miljun.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima matul konferenza tal-aħbarijiet li fiha kienu elenkati l-proġetti sportivi.

Is-segretarju parlamentari semma li fl-aħħar tnax-il xahar SportMalta ħadmet biex tkompli ttejjeb l-infrastruttura bħall-padiljun tal-handball, indoor pool ta’ livell Olimpiku, il-padiljun tal-basketball, il-pixxina tas-Sirens u r-restawr tal-bini tal-1903 fil-Marsa. Numru ta’ artijiet tal-gvern għaddew lil aktar assoċjazzjonijiet sportivi biex jiżviluppaw il-bini tagħhom.

Spjega li fl-2022 SportMalta ser tkompli tinvesti f’aktar faċilitajiet sportivi. Fil-Kumpless tal-Marsa ser ikompli x-xogħol fuq żewg kumplessi ġodda, wieħed iddedikat għall-ġinnastika u ieħor għall-isport tal-isquash u l-weightlifting. 

SportMalta se tkun sieħeb ewlieni fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-Olimpjadi speċjali f’Mejju 2022 u fit-tħejjija tal-Logħob ta’ Stati Żgħar fl-2023. Din il-ħidma diġà bdiet din is-sena fejn tqassmu madwar €7 miljuni f’fondi kemm lill-assoċjazzjonijiet sportivi u anke lill-Kumitat Olimpiku Malti sabiex ikunu investiti u jinkisbu riżultati aħjar. Din l-għajnuna finanzjarja se tinvesti f’kowċis u f’taħriġ varju.

Fl-2021 ser jiġi konkluż ix-xogħol fuq iċ-ċentru tat-tennis f’Pembroke. Fost proġetti oħrajn hemm ir-rowing tank għall-qaddiefa, outdoor velodrome f’Ta’ Qali u investiment fil-Kumpless ta’ Marija Assunta.

Is-segretarju parlamentari nnota l-investiment li sar fl-isport akkwatiku primarjament il-pixxina indoor ta’ daqs Olimpiku f’Bormla. Irrimarka li ladarba tkun lesta l-pixxina, jibdew ix-xogħlijiet fuq il-park tal-avventura. Is-segretarju parlamentari aċċenna għall-pjan avvanzat biex il-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan ikollu l-pixxina tiegħu. Se jsir xogħol ukoll fuq il-pitches tal-waterpolo f’Marsaskala u f’Marsaxlokk u se tiġi inawgurata l-pixxina tas-Sirens ta’ San Pawl il-Baħar.

Wara l-ftehim storiku ta’ €6 miljun mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol fejn se jinbidlu 68 wiċċ tal-grawnd tal-futbol, se jsir investiment f’grawnd tal-futbol ġdid għal Msida St Joseph u se jibda x-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol tan-Naxxar.

Clifton Grima semma wkoll il-faċilità tal-motorsport. Din il-faċilità se ssir b’investiment ta’ €20 miljun, b’kollaborazzjoni mal-Malta Motorsport Federation. B’hekk, matul l-2022 se jibda x-xogħol sabiex id-dilettanti tal-motorsport ikollhom lok denju fejn jippratikaw dan l-isport.

Tenna wkoll li sar investiment ta’ €5 miljun dirett fl-atleti li se jkunu qed jipparteċipaw fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023.

Il-Volontarjat

Is-segretarju parlamentari rrefera wkoll għall-ħidma li qed issir fis-settur volontarju. Xhieda ta’ dan huwa l-mod ta’ kif il-gvern, matul il-perjodu tal-pandemija, offra għajnuna kbira tant li kienu assigurati €5 miljun biex l-għaqdiet volontarji jibqgħu joffru s-servizzi.

Ġie spjegat li f’dan il-budget kien hemm żieda sostanzjali fil-volontarjat. Din iż-żieda se tkun qed issarraf f’għajnuna teknika b’servizz ġdid sabiex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jwaqqfu l-għaqda tagħhom, investiment għall-użu ta’ sistemi teknoloġiċi biex jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tiġġedded l-iskema għall-għaqdiet volontarji sabiex jinvestu f’enerġija alternattiva sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kkonkluda li dawn l-investimenti kollha huma possibbli għaliex il-gvern mar għand l-isportivi u għand l-għaqdiet volontarji u fassal budget li jindirizza l-isfidi mhux biss tal-lum iżda anke tal-futur.

Ekonomija

Sport