Thursday, March 28, 2024

Għada se tingħata l-aħħar tislima lil Joe Debono

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat ma naqsux il-messaġġi ta’ kondoljanzi wara li lbieraħ tħabbret il-mewt ta’ Joseph Debono, magħruf minn bosta bħala ‘James Bondin’, liema karattru minn jaf kemm nissel tbissima fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa ġie deskritt minn bosta bħala attur, komiku, poeta, kittieb, artist u bniedem b’qalb kbira, li minkejja t-tbatija li kien għaddej minnha, xorta baqa’ bniedem determinat u jagħmel il-ġid.

Dawk il-persuni li kellhom ix-xorti li jsiru jafuh sostnew li l-impatt li Joe ħalla f’ħajjithom kien tassew kbir.

Żgur u mhux forsi li l-aħbar li ngħatat ilbieraħ kienet tassew għafsa ta’ qalb għal bosta.

Joe baqa’ bniedem determinat sal-aħħar u tassew ta’ ispirazzjoni kbira. Fil-fatt proprju dan ix-xahar kien tħabbar li huwa kien fost l-erba’ awturi li rċieva l-Premju Nazzareno Vassallo fejn qalilna li waqt iż-żminijiet diffiċli tal-lockdown ta ftit attività u kuntatt lill-anzjani li dehru li għoġbithom l-idea u ħadu gost ħafna. 

Martu Tanya Debono lbieraħ sellmet il-memorja tiegħu fejn qalet li żewġha baqa’ jiġġieled sal-aħħar għal ħajja li ħabb u li matul ħajtu għallimhom l-kuraġġ bir-rieda li baqa’ għaddej jagħmel kollox, minkejja d-diffikultajiet kollha li kellu.

Hija qalet li żewġha se jingħata l-aħħar tislima għada ġewwa l-Bażilika tal-Mosta fis-2.30p.m.

Hija talbet biex minflok fjuri isiru donazzjonijiet lil Dar Bjorn, li żgur u mhux forsi se jkunu apprezzati ħafna.

Ekonomija

Sport