Friday, April 19, 2024

Tarbija Afgana tinbigħ għal $500 mill-familja tagħha li qed tmut bil-ġuħ

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Afganistan qed jiffaċċja l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja, bil-pajjiż jara deterjorament qawwi fis-sitwazzjoni minn meta t-Taliban ħataf il-poter lura f’Awwissu.

Parti minn din is-sitwazzjoni mwiegħra ġiet dokumentata f’filmat li għamel il-BBC fl-aħħar jiem fejn marru fi sptar ġewwa Herat u f’żoni rurali barra mill-belt.

Dak li ġie dokumentat kien tassew xokkanti. Spikka r-rakkont ta’ tarbija li ġiet mibjugħa għal $500 mill-familja tagħha li qed tmut bil-ġuħ.

L-omm, li l-identità tagħha qed tinżamm anonima, qalet li t-tfal l-oħra tagħha kienu qed imutu bil-ġuħ u għalhekk kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli ferm li jbiegħu lit-tifla. “Kif jista’ jkun li ma nkunx imdejqa? Hija t-tifla tiegħi,” qalet l-omm filwaqt li żiedet tgħid li xtaqet li ma kellix tasal s’hawnhekk.

Ir-raġel tagħha kien jiġbor l-iskart iżda issa mhu qed jagħmel l-ebda qligħ minn hekk.

“Qed immutu bil-ġuħ. La għandna dqiq u qas żejt. M’għandna xejn,” qal il-missier.

Ladarba t-tarbija tkun kapaċi timxi, se tittieħed mir-raġel li xtraha li s’issa ħallas aktar minn nofs tal-prezz.

Lill-ġenituri taċ-ċkejkna qalulhom li t-tifla se tiżżewweġ lit-tifel tar-raġel li xtraha, iżda minkejja kollox ħadd ma jista’ jkun ċert minn dan.

Bħal din il-familja, hemm familji oħra li qed imutu bil-ġuħ u li kellhom jaslu għad-deċiżjoni diffiċli li jbigħu lit-tfal tagħhom.

Fl-istess filmat tidher is-sitwazzjoni mwiegħra ġewwa sptar fejn tassew jidher l-effett kbir li n-nuqqas ta’ ikel iħalli. Fost dawn in-nies, fil-filmat jidher tifel li jiżen inqas minn nofs ta’ dak li suppost jiżen. Missieru huwa fost il-miljuni li jinsabu bla xogħol.

Omm dan iċ-ċkejken qalet: “Is-sofferenza li qed iħoss, inħossha jien ukoll. Alla biss jaf minn xiex ngħaddi meta nħares lejh. Tnejn minn uliedi qed jiffaċċjaw il-mewt għax m’għandniex flus. Irrid li d-dinja tgħin lin-nies Afgani. Ma rridx li xi omm oħra tara lil uliedhom ibatu hekk.”

Sport