Il-Union tirrikonoxxi t-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali u l-poter tal-akkwist, filwaqt li tisħaq fuq l-importanza ta’ aktar investiment fil-kwalità tax-xogħol u l-ħajja
Il-General Workers’ Union (GWU) tqis li l-Budget 2027 jinkludi għadd ta’ miżuri pożittivi li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali u l-ħarsien tal-poter tal-akkwist tal-ħaddiema, il-pensjonanti u l-familji, partikolarment fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi internazzjonali.
Il-GWU tirrikonoxxi l-importanza li, minkejja dawn iċ-ċirkostanzi, il-Gvern qed ikompli jipprijoritizza l-għajnuna lill-familji, filwaqt li jżomm is-sussidji fuq l-enerġija bħala miżura importanti ta’ stabbiltà ekonomika u soċjali.
Il-Union tinnota b’mod pożittiv l-għotja sa massimu ta’ €1,000 Super Bonus, iż-żieda tal-COLA ta’ €6.41 fil-ġimgħa, iż-żieda ta’ €10.41 fil-paga minima nazzjonali, inkluża l-COLA, kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-Mekkaniżmu Addizzjonali tal-COLA. Dawn il-miżuri, flimkien maż-żamma tas-sussidji fuq l-enerġija, li għalihom ġew allokati madwar €400 miljun għall-2027, se jgħinu biex tittaffa l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji.
Il-GWU tirrikonoxxi wkoll l-importanza taż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, flimkien ma’ miżuri oħra li jtejbu d-dħul tal-pensjonanti. Il-Union tilqa’ wkoll l-għajnuniet immirati lejn il-familji, fosthom iż-żieda fil-Carers Grant, it-tisħiħ tal-benefiċċji għall-adozzjoni, l-għajnuna għal dawk li jieħdu ħsieb persuni f’darhom u l-kontinwazzjoni tas-servizz taċ-childcare bla ħlas.
Dawn l-inizjattivi jirriflettu l-importanza li l-politika ekonomika tibqa’ tagħti attenzjoni lill-ħtiġijiet tal-familji.
Aktar attenzjoni lill-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol
Il-GWU temmen li l-miżuri mħabbra għandhom ikunu parti minn ħidma kontinwa biex jiġu indirizzati wkoll l-isfidi li qed jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, fosthom l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, it-traffiku u l-pressjonijiet fuq is-servizzi pubbliċi.
F’dan il-kuntest, il-Union tħares ’il quddiem lejn aktar inizjattivi li jsaħħu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, partikolarment għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ, filwaqt li tkompli tingħata attenzjoni lill-ħtieġa li t-tkabbir ekonomiku jkun akkumpanjat minn pagi aħjar u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità.
Il-GWU tinnota wkoll il-miżuri fiskali favur il-ġenituri u n-negozji ż-żgħar, filwaqt li tħeġġeġ aktar diskussjoni dwar kif il-politika fiskali tista’ tkompli tgħin lill-familji bi dħul medju.
Il-Union ttenni wkoll l-importanza ta’ aktar investiment fit-taħriġ, l-upskilling u r-reskilling tal-ħaddiema, partikolarment fid-dawl tal-iżviluppi fid-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu.
Il-GWU taħdem biex jittaffa l-piż tat-trasport fuq il-ħaddiema minn pajjiżi terzi
Fir-rigward tal-miżura li permezz tagħha l-ħaddiema minn pajjiżi terzi mhux se jibqgħu jibbenefikaw mit-trasport pubbliku bla ħlas, il-GWU tqis li huwa importanti li jitqies l-impatt finanzjarju li din il-bidla jista’ jkollha fuq dawn il-ħaddiema, partikolarment dawk bi dħul baxx li jiddependu mit-trasport pubbliku biex imorru għax-xogħol.
F’dan il-kuntest, il-GWU diġà bdiet tagħmel kuntatt mal-kumpaniji li jirreklutaw u jġibu ħaddiema minn pajjiżi terzi sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet prattiċi, fosthom il-possibbiltà li dawn il-kumpaniji jassorbu parti mill-ispejjeż tat-trasport.
Il-Union temmen li huwa importanti li jinstab bilanċ ġust li jħares l-interessi tal-ħaddiema u jnaqqas kemm jista’ jkun il-piż finanzjarju addizzjonali fuq dawk li qed jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija.
Impenn għal ekonomija aktar ġusta u sostenibbli
Il-GWU tqis li l-Budget 2027 jipprovdi għadd ta’ miżuri li jsaħħu l-protezzjoni soċjali u l-istabbiltà ekonomika, filwaqt li joffri opportunità biex tkompli d-diskussjoni dwar l-isfidi strutturali li jaffettwaw lill-ħaddiema u lill-familji.
Il-Union tibqa’ temmen li l-progress ekonomiku u ż-żieda fil-produttivita tal-pajjiż għandu jissarraf f’benefiċċji konkreti għall-ħaddiema, permezz ta’ pagi dinjitużi, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u kwalità tal-ħajja ogħla.
Il-GWU se tkompli taħdem b’mod kostruttiv mal-Gvern u mal-imsieħba soċjali sabiex il-miżuri tal-Budget, flimkien ma’ inizjattivi oħra fit-tul, jikkontribwixxu għal ekonomija aktar ġusta, sostenibbli u li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Din hija l-ewwel reazzjoni tal-GWU. Fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Nazzjonali jkun qed joħroġ reazzjoni uffiċjali.
