Bħala parti mill-isforzi kontinwi tal-Gvern biex jissimplifika l-amministrazzjoni tat-taxxa u jagħti aktar flessibbiltà lill-kontribwenti, se jibda proġett bil-għan li jirriforma l-qafas tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq l-introjtu applikabbli għall-koppji miżżewġin .
L-għan huwa li jiġi stabbilit approċċ li bih, bħala regola ġenerali, kull konjuġi jippreżenta dikjarazzjoni individwali tat-taxxa fir-rigward tal-introjtu u l-affarijiet fiskali tiegħu stess. Koppji li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minn arranġament ta’ dikjarazzjoni konġunta, fejn dan ikun permess mil-liġi, jibqa’ jkollhom din il-possibbiltà permezz ta’ mekkaniżmu ta’ għażla.
Ġew identifikati arranġamenti li jinvolvu l-bejgħ tal-arja, li jistgħu jwasslu biex it-taxxa tiġi kkalkolata biss fuq parti mill-valur reali ta’ proprjetà lesta.
Il-Gvern ser jintroduċi miżuri mmirati li jeħtieġu żvelar aktar sħiħ tal-korrispettiv totali miftiehem għal tali żviluppi, isaħħu l-proċeduri ta’ valutazzjoni u verifika, u jiżguraw li t-tranżazzjonijiet jiġu ntaxxati skont is-sustanza ekonomika tagħhom. Il-miżuri ser jindirizzaw ukoll strutturi li jinvolvu intermedjarji jew żviluppaturi li ma jidhrux direttament fl-att tat-trasferiment.
Riforma oħra li se ssir hi l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ġdid fis-settur tal-kostruzzjoni biex jiġi indirizzat l-abbuż li jista’ jkun hemm fuq il-VAT f’dan il-qasam. Filwaqt li se jiġi introdott mekkaniżmu aktar effiċjenti u effettiv biex ikun indirizzat l-obbligu li jinħarġu fatturi u rċevuti fiskali korretti.
Il-Ministru Caruana qal ukoll li “biex inkomplu niżguraw kompetizzjoni ġusta, qed naħdmu wkoll fuq linji gwida li jiċċaraw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT fuq l-ikel. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ tal-ikel lest għall-konsum mibjugħ mis-supermarkets, il-minimarkets u l-convenience shops, li jikkompetu bejn xulxin kif ukoll direttament ma’ dak offrut mir-ristoranti.”
