Saturday, December 21, 2024

“Budget ta’ gvern Laburista li jsaħħaħ l-ekonomija biex ikompli jqassam il-ġid”

Id-diġitalizzazzjoni fin-negozji m’għadhiex kwistjoni ta’ għażla, iżda ta’ meta se ssir it-tranżizzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna għandna ekonomija b’saħħitha u kbira ħafna għall-kobor ta’ pajjiżna. Ħafna setturi ekonomiċi tagħna ma jiddependux fuq is-suq lokali. Ħafna mill-kumpaniji barranin jiġu jinvestu f’pajjiżna mhux għas-suq lokali, iżda għax għandna inċentivi u ambjent b’ekosistema b’saħħitha. Meta faqqgħet il-pandemija u bdew jingħalqu dawn il-bibien ħadna miżuri b’saħħithom ħafna biex tajna serħan il-moħħ lill-ħaddiema u lil min iħaddem”. Hekk beda biex jispjega ma’ talk.mt l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri rigward x’wassal biex il-katina ekonomika ta’ pajjiżna ma titkissirx. 

Il-Ministru Silvio Schembri fakkar li minkejja li kien hawn oppożizzjoni passiva li mbottat lejn id-direzzjoni opposta u ddeskriviet lill-gvern bħala wieħed ħali, gvern Laburista għażel li f’sitwazzjoni ta’ pandemija ma jibżax jieħu deċiżjonijiet diffiċli. Kellna gvern li baqa’ jsostni lin-nies tiegħu biex jibqgħu jaħdmu u jikkontribwixxu biex l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tiqafx tipprogressa. Xhieda ta’ kemm id-deċiżjonijiet, li ttieħdu mill-Ministru Schembri bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela kienu verament tajbin huwa l-fatt li llum ninsabu f’pożizzjoni li mhux talli għandna l-anqas rata ta’ qgħad, iżda li  l-akbar problema li teżisti hija li mhux qegħdin jinsabu biżżejjed nies biex jaħdmu fl-opportunitajiet vasti f’diversi setturi f’pajjiżna.

Tkellimna dwar il-benefiċċju tad-diġitalizzazzjoni. Għalkemm il-pandemija bħal wasslet għal bidla f’salt għad-diġitalizzazzjoni, bħala gvern kien ilu snin jinċentiva lin-nies biex imorru online u jinvestu fit-teknoloġija biex ikabbru s-servizzi tan-negozji tagħhom. Il-pandemija kienet parti mit-trasformazzjoni massiċċa li saret, għandek kważi kull ristorant li joffri Application biex tibbukkja online, jagħmel ordnijiet ta’ deliveries u kellek saħansitra numru ta’ servizzi li ngħaqdu biex illum joffru dan is-servizz fejn mill-kumdità ta’ darhom, familji jistgħu jordnaw l-ikel li jaslilhom wara l-biebhom permezz ta’ proċess sempliċi ħafna mill-ismartphones tagħhom. 

“Jien inħobb nagħti eżempju sempliċi biex nfakkar lin-nies kemm dan is-settur sar parti mill-ħajja tan-nies. Aqbad il-mowbajl tiegħek u ħallih warajk ġurnata sħiħa u ara kif tkun il-ġurnata tal-ħidma tiegħek”, kompla jelabora Schembri.

Fejn jidħlu negozji kbar kellek proċess li ilu li beda u llum għandna fabbriki li tidħol fihom qishom laboratorji. Il-proċess ta’ modernizzar se jibqa’ għaddej u għalhekk il-gvern se jibqa’ jinċentiva lin-negozji biex jinvestu f’makkinarju li jħares aktar l-ambjent fost interessi oħra.

Il-Ministru tkellem dwar miżura li se tkun qiegħda tiġi mnedija mill-Mimcol biex l-SMEs ikollhom pjattaforma diġitali biex ibigħu l-prodotti tagħhom. Hawnhekk Schembri sostna li “Dan huwa proċess li m’għadux kwistjoni ta’ għażla jew jekk irridx nagħmilha, iżda meta se nagħmilha u rridu nagħmluha kemm jista’ jkun malajr għax it-teknoloġija llum hija parti mill-ħajja tagħna. Hija parti minn kif naħdmu, niddevertu u ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum”, kompla Schembri.

Mistoqsi dwar il-problemi tal-għoli tal-ħajja fost sfidi oħra li jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-budget ta’ għada, il-Ministru qal li Partit Laburista fil-gvern se jara li l-budget ikun wieħed soċjali. Huwa sostna li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, kellek min avvanza ħafna ’l quddiem, iżda rrikonoxxa li hemm sezzjonijiet li ma avvanzawx daqs l-oħrajn u b’hekk se jkun hemm enfasi fuqhom.

“Biex inkomplu dan il-programm ta’ tkabbir u għajnuniet jeħtieġ li l-ekonomija tkompli tikber. Allura se jkun hemm inċentivi biex l-ekonomija tkompli tikber u tkun tista’ tibqa’ ssostni l-ispiża tal-gvern u b’hekk din tkun waħda sostenibbli; billi l-introjtu tal-gvern jibqa’ u jiżdied ħalli l-ispiża għaqlija tkun tista’ tkompli  b’mod sostenibbli”, temm Schembri.

Ekonomija

Sport