Friday, April 19, 2024

L-EDUKAZZJONI BĦALA QAFAS GĦAL EKONOMIJA TA’ GĦADA

Aqra wkoll

Dejjem emmint li ekonomija b’saħħitha kienet, għadha u tibqa’ kruċjali biex il-gvern ikun jista’ jwitti l-Malta ta’ għada. Prinċipju li jimxi pari passu mal-politika tal-Gvern Laburista li tul dawn it-tminn snin l-ekonomija lokali ingħatat l-stimolu u l-impetu meħtieġ biex tikkonsolida dak li pajjiżna kiseb tul is-snien u biex tfittex niċeċ ġodda. Dan l-investiment sarraf f’ekonomija b’saħħitha li tat iċ-ċans lil pajjiżna jikber u lill-gvern jilqa’ għall-mumenti turbulenti li ġabet magħha l-pandemija.

Biex Malta tkompli tikber, pajjiżna imsejjaħ jagħmel il-pass li miss. Għal dan il-għan, il-baġit li ser jiġi mħabbar għada ser iwitti t-triq għad-deċennju li jmiss, fejn pajjiżna se jsir ċentru ta’ eċċellenza, denju li huwa l-aqwa fl-Ewropa u fid-dinja. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela riċentament; “Jekk qabel ridna nilħqu l-medja, issa rridu nilħqu l-quċċata”.

Għan ta’ dan il-baġit li miss huwa li flimkien mal-industrija jdawwar l-isfidi f’opportunijiet għal pajjiżna, kif diġà sar fil-passat. Il-baġit li jmiss ser jenfasizza fuq il-ħtieġa ta’ ekonomija aktar innovattiva, mibnija fuq il-valur miżjud, b’sensiela ta’ setturi u ekosistemi ġodda li jistgħu jsarrfu f’mudell ekonomiku li jrendi aktar u joħloq aktar ġid u xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

Tassew, dan huwa baġit ispirat minn ekonomiija li tħares lejn soluzzjonijiet innovattivi li jroddu r-riżultati biex b’hekk pajjiżna jkompli javvanza permezz ta’ ekonomija sostenibbli. Dan huwa baġit li jinkoraġixxi tkabbir sostenibbli permezz ta’ enfasi fuq l-enerġija sostenibbli u l-innovazjoni diġitali.

Però, biex dan jintlaħaq, il-gvern irid jinvesti fuq soċjetà u ekonomija li jiġbdu f’direzzjonijiet differenti iżda li jkunu forza politika li tgħaqqad u tikkonverġi l-isforzi ta’ kulħadd biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies, fl-interess tan-nies u li ssawwar soċjetà li jimpurtaha. Il-frott tas-suċċess tal-viżjoni fit tul tal-gvern tiddependi fuqna lkoll, l-isforz kollaborattiv tagħna biex noħolqu futur ekonomiku li huwa m’għand kulħadd għal kulħadd.

“Il-baġit li jmiss jibni fuq dak li sar tajjeb fis-settur tal-edukazzjoni u jara wkoll li nġedduħ u mmexxuħ ‘l quddiem.”

Fuq kollox, biex dan jintlaħaq il-pajjiż irid jinvesti fl-edukazzjoni. Tassew, l-ebda pajjiż ma jista’ jikseb żvilupp ekonomiku sostenibbli mingħajr investiment sostanzjali fl-edukazzjoni u fil-kapital uman. Il-politiku Amerikan, Billy Owens darba sostna li ekonomija b’saħħitha tilħaq il-milja tagħha permezz tal-abbiltajiet tar-riżorsi umani li tipposjedi. Sentiment li ġie rifless fil-viżjoni ekonomika tal-gvern għal għaxar snin li ġejjin. Sentiment li ġie rifless ukoll fil-100 Idea tal-Partit Laburista. Sentiment li ilni nisħaq fuq tul il-vjaġġ politiku tiegħi. Sentiment li huwa wkoll rifless fl-inizjattivi li ħadt tul dawn l-aħħar xhur fosthom l-eME u Robotica. Huwa għalhekk li l-baġit li jmiss jagħmel enfasi fuq l-edukazzjoni. Huwa għalhekk li li l-baġit li jmiss jibni fuq dak li sar tajjeb f’dan is-settur u jara wkoll li nġedduħ u mmexxuħ ‘l quddiem.

Kif tenna riċentament il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana; “l-opportunitajiet jiżdiedu meta persuna jkollha aċċess għal aktar tagħlim, u dan imbagħad iwassal għal dħul ogħla.” Għaldaqstant biex pajjiżna jżomm il-livell li laħqet l-ekonomija ta’ pajjiżna u saħansitra ntejbuha jeħtieġ forza ikbar biex nagħmlu l-qabża li jmiss. Biex nagħmlu dan il-baġit li jmiss ser ikun l-ewwel pass f’proċess ta’ trasformazzjoni fis-sistema edukattiva. Process li ser jara li l-edukazzjoni ma tibqax biss fażi definita imma proċess kontinwu. Kif tenna l-Prim Ministru; “Huwa biss b’sistema edukattiva differenti li nistgħu nibnu ekonomija fejn il-kwalità tal-ħajja titjieb. 

Il-baġit li ser jiġi mħabbar għada huwa tassew baġit b’viżjoni ekonomika ċara, realistika u li verament iwitti t-triq Malta ta għada. Il-baġit li ser jiġi mħabbar għad huwa l-pedament tal-Malta li rrid nghix fiha jien bħala ċittadin, bħala missier u bħala politiku. Fuq kollox, il-baġit 2022 itenni għalfejn il-Partit Laburista hu l-għażla naturali għall-Maltin u l-Għawdxin fl-elezzjoni li jmiss.

Sport