Wednesday, April 24, 2024

OPPOŻIZZJONI FJAKKA

Aqra wkoll

Issa li ninsabu fl-aħħar sena ta’ din il-leġiżlatura u dejjem resqin lejn l-elezzjoni ġenerali, l-poplu jibda’ jgħarbel iktar il-politika tal-partit politiċi biex jiddeċiedi lil min lest li jagħtih il-fiduċja u jiggverna fiż-żmien li ġej. Is-soltu niffoka ħafna fuq il-ħidma li qegħdin inwettqu bħala Gvern imma biex nagħmlu analiżi tajba llum ridt nelenka punti li qed jiġru fil-kamp l-ieħor.

Klikek u piki

L-iktar punt sinonimu mal-Partit Nazzjonalista huwa l-ġlied u l-piki li jirrenjaw fil-klikek fi ħdanhom. Il-grupp Parlamentari għadu maqsum u mhux kulħadd jinsab wara l-Kap attwali Bernard Grech. Adrian Delia għadu b’saħħtu u jgawdi popolarità kbira kemm fil-partit kif ukoll fid-distrett. Dan qiegħed joħloq inkwiet mal-elettorat speċjalment dak ta’ Birkirkara fejn se jikkontesta Beppe Fenech Adami. Smajna wkoll bi problemi f’distretti oħra anke fejn ser jikkontesta Bernard Grech innifsu. 

Tmexxija

It-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wkoll mhix soda u ma taspirax fiduċja assoluta. Hemm Nazzjonalisti li għadhom jirrikonoxxu lil Eddie Fenech Adami bħala Kap fi żmien aħjar tal-istess Partit. Warajh isegwi Lawrence Gonzi li għalkemm tilef ir-riedni minn idejh u ġarrab telfa kbira xorta waħda hawn min jaħseb li dak iż-żmien kien aħjar minn dak ta’ llum. Simon Busuttil li ġab ħerba fil-Partit Nazzjonalista u poġġieh f’pożizzjoni agħar milli sabha hu, ukoll għadu jipprova jiddetta u jinfluwenza lill-Partit. Adrian Delia kien tela’ b’mod demokratiku bl-għajta tan-‘new way’, għax fehem li l-Partit Nazzjonalista jrid jaqbad vija oħra. 

Però ma tantx ħallewh għax baqgħu sakemm qaċċtuh bi skuża li s-surveys ma konux qed juru avvanz. L-istess qed jiġri llum imma Bernard Grech baqa’ hemm. Dan qiegħed iġib rabja kbira fost it-tesserati Nazzjonalisti li qed jindunaw li l-mod kif imxew ma’ Delia ma kienx wieħed ġust. 

Dan l-aħħar ukoll smajna li kien hemm muntatura biex jlaħħaq żewg deputati kapijiet tal-fiduċja tiegħu minflok it-tnejn li hemm attwali. Dan mill-ewwel sab lil Robert Arrigo, (li nixtieqlu fejqan ta’ malajr) u lil David Agius li qablu bejniethom li huma telgħu demokratikament u skont l-istatut għandhom iservu sal-aħħar tal-leġiżlatura. Xi ħaġa li tistona bil-kbir il-mod ta’ kif ġie stmat Delia.

Bernard Grech

Bernard Grech ukoll huwa ta’ piż fuq l-oppożizzjoni. Beda ħażin ħafna meta ftaħar li mhux kburi li huwa Malti u mal-barranin jiftaħar li huwa Grieg. Kliemu ma jqisux u jitkellem kif ġie ġie. Ħafna eżempji li ma jagħmlux sens, bħal meta spjega x’isir f’każ ta’ salvataġġ abbord vapur, spiċċa jwaħħal fix-xemx meta beda jaqra minn fuljett li ma kienx jaf x’fih u lista twila minn dawn l-istanzi li ma jagħmlux ġieħ lil persuna li tikkopa kariga daqshekk prestiġġjuża. Issa l-aħħar waħda qalilna li jekk xi ħadd joqorsu jsir iljun.

Ma ninsewx ukoll li Bernard Grech tela’ mill-fazzjoni tal-establishment u issa jrid iħallas id-dejn li għamel magħhom. Għalkemm kien hemm stanzi fejn prova jiddeċiedi xi ħaġa kif jidhirlu hu, malajr ġibdulu l-ispaga u wrewh li ma kinux qed jieħdu gost bih. Saħansitra Manwel Delia pubblikament wissieh biex joqgħod attent għax malajr isibu s-sostitut tiegħu. 

Vizjoni PN

Meta Partit ikun għaddej minn dawn it-turbulenzi kollha, qajla jkun jista’ jaħseb fuq il-vizjoni tiegħu. Meta l-membri fi ħdanu, iktar jiltaqgħu biex jiddiskutu l-ġlied intern milli biex jikkrejaw politika ġdida li taffettwa l-ħajja tan-nies. Sa llum għadna ma nafux il-viżjoni holistika bħala partit alternattiv, kif jekk ikunu fil-Gvern liema politika ser jaddottaw għal pajjiżna. Sabiex jinqala’ minn din is-sitwazzjoni, għal kull proġett u wegħda mwettqa min naħa tal-Gvern, qiegħed iwieġeb li aħna qed nikkupjawh. Kumbinazzjoni dak kollu li qegħdin inwettqu, huwa jew kollu kkupjat jew inkella kienu ser jagħmluh! Il-poplu mhux iblah u kapaċi jifhem, jevalwa u jinduna min qed jgħidlu l-verità.

Covid-19

Meta l-pandemija laqtet lil kulħadd għalgħarrieda u kulħadd wera solidarjetà ma’ xulxin, il-Partit Nazzjonalista prova jieħu vantaġġ politiku mis-sitwazzjoni. Bħas-soltu addottaw il-politika tal-babaw. Pruvaw idaħħlu l-biża’ u qalulna li m’aħniex immexxu tajjeb. Biex jidhru tajjeb ifformolaw kumitat li ftit li xejn smajna li ltaqgħu aħseb u ara kemm ħarġu bi proposti. Niftakar sew lil Dr. Deguara tgħidilna li mhux se jkollna biżżejjed dożi tal-vaċċin u li dak li qed ngħidu lill-poplu mhux minnu. Illum, iż-żmien tana raġun għax nokkupa l-ewwel post fl-Ewropa b’iktar minn disgħin fil-mija tal-poplu li tlaqqam kontra l-vaċċin. 

B’dan l-eżempju urew li m’humiex kapaċi jieħdu deċiżjonijiet prattiċi meta l-iktar li l-pajjiż ikollu bżonn. Jekk dan huwa l-mod kif bi ħsiebhom imexxu li kieku kellhom xi darba jkunu fil-Gvern, ma tantx jawgura tajjeb.

Father Christmas

Issa li ż-żmien qiegħed jagħfas l-Partit Nazzjonalista jidher ċar li nqabad fuq sieq waħda. Biex inkun ġust magħhom ma ntihomx tort sa barra. Bernard Grech ilu fil-kariga sena u ħlief isewwi l-pannu bil-qargħa aħmar billi jsejjaħ laqgħat biex isolvu l-inkwiet, fosthom jipprova jpaċi lil Jason Azzopardi ma’ Adrian Delia, m’għamilx. 

Allura issa bħal donnu ntelaq iwiegħed kull ma jiġi f’rasu. Qiegħed jipprova jiltaqa’ ma’ setturi differenti u erħilu jwegħdhom l-ilma jiżfen. Madanakollu, wieħed malajr jinduna li dawn qed ikunu wegħdiet fiergħa għax meta jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti fuq dak li jkun qal hu stess, jinqabad li l-istudji ma jkunux saru u ma jkunx hemm ħsieb professjonali wara l-proposti. 

Magħna taf fejn int

Dawn huma ftit punti li rajna l-Partit Nazzjonalista jikkrolla u jinqata’ mir-realtà. Mhuwiex f’pożizzjoni li joffri politika li tagħmel differenza fin-nies. Min naħa l-oħra aħna differenti. Ninsabu kollha magħqudin wara l-Mexxej tagħna Robert Abela. Għalkemm fil-Gvern, qegħdin inġeddu l-politika tagħna biex noffru politika moderna li tilqa’ għal isfidi taż-żminijiet ta’ llum. Għada jum il-budget u għal darb’oħra se naraw il-viżjoni tal-Prim Ministru tagħna tagħmel pass ieħor ‘l quddiem. Għal darb’oħra ser jiżdiedu l-pensjonijiet u nallokaw flus biex ninvestu iktar fis-saħħa, edukazzjoni, sports u ambjent. Fuq kollox politika li tgħin iktar lil batut u toffri għajnuna lil min l-iktar għandu bżonn. Gvern Laburista li għandu qalbu tħabbat għall-ħaddiem.  Bħalissa ninsabu fi żmien ta’ rkupru u għalhekk aħna kommessi li ngħinu n-negozjanti sabiex jinvestu, nissalvagwardjaw il-postijiet tax-xogħol, noħolqu opportunitajiet oħra sabiex nixprunaw u nsaħħu l-ekonomija.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Sport