Wednesday, April 24, 2024

Buzz Lightyear f’avventura li ddiżappuntat

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-film animat “Lightyear” li hu spinoff għall-film animat tal-Pixar, “Toy Story” kellu debutt diżappuntanti meta ra dħul ta’ $51 miljun fil-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa.  B’din il-produzzjoni li swiet $200 miljun, il-kumpanija Disney stenniet li almenu jkollu dħul bejn $70 u $80 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.  Fil-passt, il-Pixar, li taħdem taħt il-bandiera tad-Disney, tatna films animati kbar u ta’ suċċess bħal “The Incredibles”, “Finding Nemo”, “Up” apprati l-erba’ films ta’ “Toy Story”.

Anke fit-43 pajjiż ieħor fejn beda jintwera, “Lightyear” ftit kellu suċċess meta ġabar anqas minn $35 miljun – anqas minn miljun minn kull pajjiż.

“Jurassic World Dominion” żamm il-post tal-quċċata fil-box office Amerikana biex wara ġimgħatejn diġa daħħal kważi $260 miljun.  “Top Gun: Maverick” għadu sejjer tajjeb biex wara erba’ ġimgħat kellu dħul li qabeż l-$466 miljun mit-teatri Amerikani biss.  Il-film ta’ Tom Cruise qed jokkupa t-tielet post.

Fir-raba’ u l-ħames post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet insibu “Doctor Strange in the Multiverse of Madness” u fil-ħames post għadu sejjer tajjeb “The Bob’s Burgers Movie”.

Lightyear

Dan is-26 film animat li qegħda tatina l-kumpanija Pixar.  Jibda bi premessa: fl-1995 (li allura meta ħareġ l-ewwel film ta’ “Toy Story”), it-tifel Andy ingħata bħala rigal, il-ġugarell Buzz Lightyear.  Dan għax kien ra l-film dwar Buzz Lightyear u Andy kien għoġbu .  Dan hu l-film li suppost kien ra Andy.

Il-film animat “Lightyear”, hu wieħed konvenzjonali u pparagunat ma’ films oħra tal-Pixar, partikolarment dawk ta’ “Toy Story”, mhuwiex kreattiv daqshom. Mill-bidu nett, Buzz juri l-karatteristiċi li diġa rajnih bihom, jiġifieri dak ta’ wieħed li hu kburi bih innifsu.

Buzz u l-kru li hemm miegħu jidher li qed jesploraw l-galassja, iduru d-dinjiet qishom it-tim ta’ “Star Trek”, sakemm jinżlu fuq pjaneta stramba, li fuqha hemm robot.  Buzz jipprova jaħrab minn hemm fil-vettura spazjali imma jagħmlilha l-ħsara għax Buzz ma jikkalkulax tajjeb kemm kien fond il-wied u allura jigref parti mill-vettura spazjali mal-ġebel tal-għolja.  Buzz u sħabu jkunu kostretti li jibqgħu fuq il-pjaneta sterili.

Matul il-film kollu, Buzz, bil-għajnuna tat-tim kollu tiegħu, jipprova kull mezz biex jitilqu minn fuq din il-pjaneta.  Matul dawn it-tentattivi kollha, naraw l-izvilupp fir-relazzjoni tal-ħabiba u kollega, il-Kaptan Hawthorne (vuċi ta’ Uzo Aduba), li tiżżewweġ mara oħra.

Minħabba din ix-xena, “Lightyear” għal ftit ma sabx ruħu f’kontroversja kbira.  Qatt ma kien hemm oġezzjoni li l-film juri din ir-relazzjoni imma kien hemm deċiżjoni li titneħħa bewsa li sseħħ bejniethom.  Wara li saret protesta mill-istess ħaddiema tal-Pixar, din ix-xena reġgħet iddaħħlet.

F’27 sena, il-kumpanija Pixar ma tantx ħadmet films fejn karattri kienu LGBTQ.  L-aktar produzzjoni li kienet ċara f’dan is-sens kien il-film qasir “Out” li inħadem fl-2020 u ntwera fuq il-pjattaforma diġitali tad-Disney.  Is-sena l-oħra ħadmu “Luca” Li ma ħareġ fit-teatri) fejn żewġ monstri tal-baħar isiru żewġ subien umani meta jkunu fuq l-art. Dawn jibnu relazzjoni bejniehtom.  Vagament, tista’ tqis din ir-relazzjoni ta’ tnejn li huma gay.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Angus MacLane, kienet deċiżjoni mhux mistennija li l-għall-vuċi ta’ Buzz ma żammx ta’ Tim Allen (li hu dak li jislef l-vuċi tiegħu lil Buzz Lightyear fl-erba’ films ta’ “Toy Story”).  Minflok nisimgħu l-vuċi ta’ Chris Evans li jagħmel biċċa xogħol tajba, għalkemm l-iskript ftit li xejn offrilu mumenti fejn jista’ ikun komiku.  Il-kurjuża hi li kemm Allen kif ukoll Evans għandhom il-birthdau fl-istess jum (it-13 ta’ Ġunju) imma twieldu fi snin differenti. 

Gwida għal min ser jara “Lightyear”: U (jista’ jarah kulħadd).  Hemm xi mumenti ta’ tensjoni u xeni ħfief ta’ vjolenza.

Deep Water

Id-direttur ta’ dan it-thriller hu Adrian Lyne  Minkejja li  llum għandu 81 sena, huwa xorta għadu jesplora ir-relazzjonijiet bejn in-nies fejn is-sess mill-perspettiva tal-adulti hu l-parti ċentrali tan-narrattiva.  Fil-passat hu tana “9½ Weeks”, “Fatal Attraction”, “Indecemt Proposal” u 20 sena ilu “Unfaithful”.  “Deep Water” ikompli fejn ħallew il-films ta’ qabel bid-differenza li llum s-suġġett ma jaħsdekx daqs qabel.

Ben Affleck u Ana de Armas f’Deep Water

Ben Affleck u Ana de Armas jidhru fil-partijiet ta’ Vic u Melinda.  Huma jkunu miżżewġa u għandhom it-tifla Trixie (Grace Jenkins).  Vic hu inġinier tar-robotika li jkun irturat.  Jidher li l-imħabba kienet taret mar-riħ fiż-żwieġ tagħhom.  Biex jevitaw li jgħaddu mis-saram ta’ divorzju, Melinda titħalla ikollha kemm irġiel trid sakemm ma tabbandunax il-familja.  Il-ħbieb tagħhom ikunu jafu b’dan l-arranġament filwaqt li Vic jibda jsir għajjur għad-diversi rġiel fil-ħajja ta’ martu Melinda.

Wieħed mill-irġiel li ġġib Melinda ikun jismu Charlie (jacob Elordi).  Dan ikun qed jgħallem il-pjanu lil Melinda.  Melinda u Charlie imorru flimkien fis-swimming pool, fejn il-ħin kollu jkunu osservata minn Vic.

Aktar tard,  Charlie jinstab mejjet.  Melinda tkun pronta takkuża lil żewġha Vic li kien qatel lil Charlie.  Imma x’ser jiġri wara dan kollu?

L-azzjonijiet ta’ Vic isiru aktar bil-kemm jitwemnu imma d-direttur Lyne hu makakk biżżejjed biex ma nitilfux l-interess u jżommna fuq ix-xwiek.  Lyne jidher li jaf eżatt fejn għandu jieqaf.

Gwida għal min ser jara “Deep Water”: 15 (hu rakkomandat li jarawh dawk li huma ’l fuq minn 15-il sena) minħabba l-lingwaġġ li jintuża, xeni ta’ sess, nuditá u vjolenza.

Sport