Fl-aħħar jiem rajna l-kontroversja li inqalgħet u li kienet segwità minn ammont ma’ jaqta’ xejn ta’ kummenti dispreġjattivi u ta’ mibegħda. Dan sempliċiment għax persun b’reliġjon differenti, iddeċieda li jikkontesta mal-Partit Laburista. IT-TORĊA tkellmet mal-eks Mexxej Laburista, Joseph Muscat dwar din il-kontroversja u ddikjara li “hemm bżonn aktar spjega għax hemm nies ġenwini li tħawwdu u kull ma jkun hemm bżonn li l-affarijiet jingħadu b’mod ċar.”
Tenna li “meta Mintoff daħħal il-pensjoni tal-età, uħud mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista kienu kkritikaw li dawn il-flus se jmorru biex ix-xjuħ joqogħdu jixtru l-inbid u jiskru. Illum nidħku b’dan l-argument iżda dak iż-żmien qam furur. Aktar qabel fiż-żmien, kien hemm argumenti kbar kontra li rġiel ħaddiema li ma kellhomx proprjetà jingħataw id-dritt għall-vot u jkunu jistgħu joħorġu għall-elezzjoni. Kulħadd jaf imbagħad il-ġlieda għall-vot u l-kandidatura tan-nisa.”
Kompla jgħid li “ftit snin ilu kellna is-suppost kollass tas-soċjetà tagħna bid-dħul tad-divorzju u wara biż-żwieġ indaqs bejn koppji tal-istess sess. Ir-reazzjoni għal dħul fil-ħajja pubblika ta’ Omar kienet waħda mistennija u l-argumenti li wieħed sema kienu fl-istess forma ta’ dawk li jsiru meta jkun hemm bidla fis-soċjetà tagħna kif semmejt qabel.”
Jisħaq li “niddefendi bil-qalb kollha d-dritt li Omar jikkontesta għax l-inklużjoni hija wieħed mill-prinċipji ewlenin li għalihom twaqqaf il-Partit Laburista. Anki għax la huwa l-ewwel Musulman li qed jikkontesta elezzjoni kemm ma’ partit u ma’ ieħor. Iżda din ħadd ma qalha. Bl-istess mod lil Omar għidtlu li ma naqbilx ma’ affarijiet li qal. Mhux għax nibża’ jew ma nirrispettax l-Iżlam. Iżda għax nemmen li min ikun f’pajjiżna, Malti jew barrani, għandu jaddatta għal kultura tagħna, u mhux jistenna li aħna naddattaw għal tiegħu. Kif ma nistenniex li jekk immur f’pajjiż Musulman jaddattaw għat-tradizzjonijiet tiegħi. Dak jekk, hemm bżonn, jiġi biż-żmien u bl-integrazzjoni. Fehmni li l-affarijiet li kkwotaw fuqu kienu ħafna minnhom meħudin barra mill-kuntest fil-ġenn tad-dinja tas-‘social media’, u li hu jifhem kif bħala kandidat jimxi mal-prinċipji tal-Partit Laburista li jħarsu lejn separazzjoni bejn Stat u Reliġjon.”
Dr Joseph Muscat ikompli jgħid li “ħadt pjaċir ħafna li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista wera sens qawwi ta’ prinċipju. Iżda hemm bżonn aktar spjega għax hemm nies ġenwini li tħawwdu u kull ma jkun hemm bżonn li l-affarijiet jingħadu b’mod ċar. Anki għax lil Omar nafu bħala persuna b’qalb soċjali kbira, li jgħin lil min hu batut bil-fatti. Huwa Malti ġenwin li f’xogħlu bħala ‘social worker’ għen għexieren ta’ persuni fl-agħar żmien ta’ ħajjithom.”


