Spiss jittieħdu qishom xejn mhu xejn. Spiss ninsew il-ġlidiet kbar biex inkisbu id-drittijiet li għandhom il-ħaddiema llum. Aktar ma jonqsu dawk li ġġieldu biex għandna d-drittijiet li ngawdu llum, aktar se tikber ix-xejra li l-kisbiet jittieħdu qishom xejn mhu xejn.
Ejja ma ninsewx li fi żmien mhux daqstant ilbogħod, il-ħaddiem ma kellu l-ebda kenn mill-għawġ li jista’ jinqala’ fil-ħajja. Kien proprju sebgħin sena ilu li ddaħħlu l-ewwel għajnuniet. Fl-1956 Gvern Laburista kien daħħal sensiela ta’ benefiċċji għal diversi kategoriji ta’ persuni vulnerabbli. Kien dakinhar li għaddiet il-Liġi tal-Assigurazzjoni Nazzjonali li nediet it-triq għas-sistema kontributorja tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali.
Minn hemm ‘lquddiem bdew sensiela ma jaqtgħu xejn ta’ kisbiet, biex finalment qegħdin ingawdu dak li għandna llum. Iddaħħlu l-pensjonijiet, benefiċċji għal dawk li jkollhom l-ulied.
Ma ninsewx li qabel iddaħħlu dawn il-benefiċċji, il-ħaddiem Malti u familtu ftit li xejn kellhom protezzjoni. Kien żmien iebes. Jekk il-ħaddiem imut waqt li jkun fuq ix-xogħol, il-familja kienet tiġi daħarha mal-ħajt. Bla dħul ta’ xejn. It-tfal, għandhom kemm għandhom żmien kien ikollhom joħorġu jaħdmu. Il-faqar u t-tallaba kien l-ordni tal-ġurnata fid-daħla tal-Belt.. Kien grazzi għall-Perit Mintoff u l-benefiċċji li daħħal li t-tallaba inqatgħu. Dawn ma inqatgħux b’kumbinazzjoni imma kienet frott ta’ ħidma li suret.
Kien iż-żmien li fih saret l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni soċjali bħal ġimgħa ta’ 40 siegħa, il-paga minima, riforma fuq it-taxxa tad-dħul u pjan ekonomiku li kien jenfasizza fuq l-edukazzjoni, l-industrija, agrikoltura u sajd, turiżmu, akkomodazzjoni soċjali, children’s allowance u forom oħrajn ta’ welfare.
Illum qiegħed dejjem jinħass aktar il-bżonn li d-drittijiet ikunu allinejati fuq livell Ewropew u internazzjonali. Il-ġlieda għad-drittijiet tal-ħaddiema ma tista’ tieqaf qatt. Hu fatt li biet illum il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu jitjiebu jeħtieġ li bħala pajjiż insemgħu leħinna f’fora barra minn xtutna. Dan kemm biex wieħed jilqa’ għal bidliet li jkunu qegħdin iseħħu u anke biex jilqa’ għal pressjonijiet li jsiru kontinwament minn korporazzjonijiet kbar biex jitnaqqsu id-drittijiet tal-ħaddiema.
Għalhekk nemmnu li hemm bżonn li nibqgħu nindukraw il-kisbiet li saru s’issa. Il-ġlieda għad-drittijiet tal-ħaddiema m’hijiex battalja storika iżda taqtiegħa kostanti u dinamika. Il-globalizzazzjoni u l-avvanzi teknoloġiċi qed iwasslu sabiex il-kisbiet tal-passat ma jibqgħux daqstant relevanti. Il-liġijiet li jipproteġu lill-ħaddiema iridu jiġu aġġornati regolarment sabiex jibqgħu iwettqu l-funzjoni tagħhom kif mixtieq. Huwa mportanti li noqogħdu għassa għal kull tentattiv sabiex id-drittijiet jiġu mdgħajfa jew jitħallew isiru irrelevanti mal-milja taż-żmien.
Fuq kollox irridu naraw ukoll li dawk fostna – ħaddiema minn pajjiżi terzi, ukoll igawdu mid-drittijiet tal-ħaddiema u ma jiġux sfruttati. Il-ġlieda kontra l-prekarjat illum hi ġlieda kontinwa. Ħaddiema li ħafna jdawwru wiċċhom banda oħra fil-konfront tagħhom. Dawn huma ħaddiema daqsna. Għandhom id-drittijiet.ukoll u m’għandhomx jiġu mċaħħdin minnhom minn dawk li jħaddmuhom. Kull forma ta’ theddid fuq dawn il-ħaddiema jekk jiftħu ħalqhom, jew li jispiċċaw lura f’pajjiżhom, hu kundannabbli.
U llum bil-mod kif qiegħda tinbidel id-ninja, se jibqa jkun hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri ġodda fosthom biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Smajna fl-aħħar kiem proposti ġodda għal familji. Proposti li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar fosthom li l-leave tal-maternita, se jiżdied bi tmien ġimgħat, waqt li l-leave tal-paternità se jirdoppja. Hu minnu li ħafna jħarsu lejn l-aspett finanzjarju, imma l-avvanzi fil-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, il-liġijiet li jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u l-ġranet ta’ leave bi ħlas jiswew daqs, u xi drabi iktar, mill-benefiċċji finanzjarji.


