Sunday, December 22, 2024

Bżonn pożizzjoni iebsa fl-UE kontra l-lemin estrem… Isir biss bit-tisħiħ u l-protezzjoni tad-demokrazija

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea tinsab riesqa lejn elezzjonijiet biex jiġu eletti l-membri għall-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej. Elezzjonijiet, li se jkunu qegħdin isiru fi żmien meta l-lemin estrem fl-Ewropa qiegħed jerġa’ jerfa’ rasu.

Qegħdin naraw lemin estrem li qiegħed jipprova jirkeb kwistjonijiet li l-estremiżmu tal-lemin sabhom ideali għan-narrattiva tiegħu. Li qed jiġri hu li qegħdin naraw il-movimenti tal-lemin estrem jiċħdu bl-akbar qawwa il-kriżi fil-klima. Dan qiegħed isir bi skop u b’għand preċiż, li jippruvaw jiġbdu kem jista’ jkun lejhom il-bdiewa Ewropej li bħalissa għaddejjin b’irvellijiet u protesti minħabba l-politika Ewropea u kif din qiegħda taffettwahom.

Il-bdiewa fl-Unjoni Ewropea qegħdin jipprotestaw kontra spejjeż eċċessivi u politika ambjentali li qiegħda taffettwalhom il-profitti. Il-protesti u l-irvellijiet tal-bdiewa fl-Ewropa wieħed jista’ jgħid li huma art fertili biex il-movimenti tal-lemin estrem jkomplu jmexxu ir-retorika u n-narrattiva tagħhom mhux kontra l-argument tal-bidla fil-klima, imma anke li l-interventi tal-Istat huma xi ħaġa li wieħed jistmerrhom u li l-‘establishment’ ma jirrappreżentax il-bniedem komuni.

Sa issa l-istħarriġ u t-tendenzi juru li l-movimenti tal-lemin estrem qed iżidu ir-ritmu u qed jissudaw il-bażi tagħhom. Stħarriġ riċenti mill-Kunsill Ewropew għar-Relazzjonijiet Barranin wera li partiti tal-lemin qegħdin ma’ ta’ quddiem f’disa’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bit-theddida li jżidu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament Ewropew.

Fi Brussells, il-Partit Popolari Ewropew fetaħ attakk fuq il-Patt Ekoloġiku. Protesti kontra r-regoli biex jitrażżnu l-emissjonijiet tan-nitroġenu fl-Olanda u l-isfruttament tad-dimostrazzjonijiet tal-bdiewa mill-AfD fil-Ġermanja juri kemm il-lemin estrem huwa determinat li jżarma l-politika ambjentali — li huma mfasslin biex isalvaw id-dinja u mhux jillimitaw lill-bdiewa.

Dan ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tagħmel aktar biex tindirizza t-tħassib tal-bdiewa dwar ‘ħajja jew mewt’. Il-bdiewa huma affettwati minn tnaqqis fid-dħul, spejjeż għoljin u kompetizzjoni minn importazzjoni minn pajjiżi terzi.

L-ispejjeż ġenerali tagħhom, speċjalment għall-enerġija, it-trasport u l-fertilizzant, żdiedu minn meta diet il-gwerra fl-Ukrajna.

Dak li qiegħed jiġri fl-Ewropa u l-mod kif il-lemin estrem qiegħed jieħu vantaġġ, kollox qiegħed juri li l-impenn tal-Ewropa għall-azzjoni dwar il-bidla fil-klima tinsab f’mument kritiku. Jekk se jkun hemm aktar konċessjonijiet fuq il-klima se jkun ifisser telf fil-battalja kontra t-tibdil fil-klima u dan meta hemm bżonn azzjoni urġenti. Dan għax is-servizz tal-klima tal-Unjoni Ewropea ħabbar li t-tisħin globali minn żminijiet preindustrijali għall-ewwel darba qabeż l-1.5C fis-sena sa Jannar, fi ksur sinifikanti tal-limitu  tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Nemmnu li hu importanti li l-Unjoni Ewropea titbiegħed minn aktar konċessjonijiet u tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għal futur sostenibbli u ekoloġiku.

Is-summit tal-COP28 dwar il-klima tas-sena l-oħra fl-Emirati Għarab Magħquda ikkonkluda bi ftehim storiku biex itneħħi gradwalment il-fjuwils fossili u jittripplika l-enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-pjan għall-adattament għall-klima, li rat kważi 200 pajjiż jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu t-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili, se jkun inutli jekk l-Unjoni Ewropea se tkompli tagħmel bidla fil-politika dwar il-klima.

Nemmnu li t-tisħiħ u l-protezzjoni tad-demokrazija Ewropea teħtieġ pożizzjoni determinata kontra l-lemin estrem. Dan jista’ jsir biss jekk l-Unjoni Ewropea tissalvagwardja l-valuri tagħha. Valuri li wieħed irid jammetti iddgħajfu sew fl-aħħar snin. Qegħdin nitkellmu fuq il-valur tad-dinjità umana, li jkun rispettat u protett. Il-valur tal-libertà li jagħti liċ-ċittadini id-dritt li jmur bla xkiel fejn irid fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ libertajiet individwali fosthom ir-rispett għal ħajja privata, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà reliġjuża, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni li huma kollha protetti biċ-Charter Ewropew għad-Drittijiet Umani. Ma’ dawn imbagħad hemm il-valur tal-ugwaljanza, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Nemmnu għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ tagħti prijorità lill-azzjoni klimatika għax b’hekk biss tista’ tittama li tissalvagwardja l-valuri tagħha u tipproteġi lilha nnifisha mill-ideoloġiji tal-lemin estrem. Ideoloġiji estremi li jitmexxew u jirnexxu fuq informazzjoni ħażina, mibegħda u disprezz sfaċċat għall-isfidi ambjentali li jipperikolawna lkoll.

Ekonomija

Sport