Saturday, December 21, 2024

Bżonn ta’ aktar kontroll biex is-sajjieda barranin ma jidħlux fit-territorju Malti

Sajjied jgħid li l-qabda tal-lampuki qiegħda tonqos.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Deċiżjoni tajba li tista’ twassal biex naqtgħu l-frott imma taħsibx li din hija xi ħaġa li se nikkontrollaw fi żmien ftit xhur. Hemm barra tirrenja l-liġi tal-ġungla meta hawnhekk ngħaddu mill-kontrolli neċessarji li fil-verità naqbel li kieku jgħoddu għal kulħadd ngħixu ħafna aħjar. Imma jekk tqabbel is-sajjied Malti b’dawn il-kontrolli kollha u dawk hemm barra li jaħtfu li jsibu, ma tantx tista’ tagħmel paragun.” Iddikjara dan ma’ Talk.mt sajjied Malti li lbieraħ sa minn kmieni kien jinsab jipprepara biex minn filgħaxija stess jaħsiblu għall-ewwel sajda tal-lampuki. 

Is-sajjied qal ma’ Talk.mt li għalkemm it-tibdil fil-klima jista’ jaffettwa xi ftit il-popolazzjoni tal-ispeċi, l-akbar problema li qiegħda tkun ta’ theddida fuq l-ammont ta’ lampuki li jkunu jistgħu jinqabdu mis-sajjieda Maltin hija dik li hawn rigħba minn sajjieda Tuneżini fost barranin oħra li qegħdin jidħlu fit-territorju Malti u jaqbdu l-ħut.

Agħar minn hekk, filwaqt li s-sajjied Malti jinsab taħt skutinju ta’ kontrolli skont ir-regolamenti – liema regolamenti huwa qal li jaqbel magħhom ladarba dawn ikunu għal kulħadd, sajjieda barranin qegħdin jaslu fit-territorju tal-Maltin u minħabba li mhumiex lokalizzati fuq is-sistema tal-awtorità qed jispiċċaw “jaħtfu” huma qabel il-Maltin.

Kellimna dwar l-istaġun tal-lampuki u li bħala sajjieda jkun ilhom jippreparaw minn ġimgħat ilu. Jiġu mogħtija l-kordinati fejn imisshom skont il-polza u minn hemm tibda l-ħidma biex dak li jkun jimmarka l-parti li quddiem il-liġi tgħajjat lilu. Tkompli l-ħidma biex jintefa’ l-ġebel u jiġu armati x-xbieki u ovjament xogħol ieħor bħalma huwa l-palm fil-wiċċ li joffri l-kenn biex il-lampuki jinġabar jistkenn u finalment ikun jista’ jinqabad.  

Staqsejnieh dwar l-għajxien mis-sajd u kemm hu vijabbli li persuna tgħix minn din is-sengħa. Huwa qalilna li kien hemm oħrajn qablu li kellhom isibu xogħol ieħor għax is-sitwazzjoni hi li hi. Qalilna b’għafsa ta’ qalb li minkejja li hu gradwat, dejjem fittex li jkompli b’din is-sengħa għax hija xi ħaġa li tkun fid-demm u li iebsa biex qisek tiċħadha. Madanakollu meta tqabbel il-ġid fil-baħar, kejl fuq fomm is-sajjieda biex jiddeskrivu l-popolazzjoni tal-ħut, mhux faċli tkampa. Qalilna wkoll li minkejja li ilu numru ta’ snin jagħmel dan ix-xogħol u kellu xewqa li jirtira fih, li ma kellux il-bastiment li huwa tiegħu kieku żgur li ma jistax ikompli. “Namra mod u għajxien mod ieħor. Jien nixtieq iva, imma lil marti u liż-żewġt uliedi rrid nara li nmantnihom ukoll mhux hekk?”, żied jgħid is-sajjied.

Problema oħra li qed jaffaċċjaw is-sajjieda lokali hija l-fatt li s-sajjieda Maltin qegħdin ikomplu jonqsu għax mhumiex ilaħħaqu mal-barranin li jitħaddmu f’dan is-settur f’pajjiżna. Huwa qalilna li fis-settur hawn individwi b’saħħithom fuq dan ix-xogħol li jixtrulek bastiment u jużaw ekwipaġġ ta’ Eġizzjani fost ħaddiema oħrajn. Spjegalna li sinjur, jista’ jixtri bastiment tas-sajd, iżda ovjament mhux se joqgħod hu fuqu u b’hekk iħaddimlek ekwipaġġ barrani, li skont l-esperjenza tas-sajjieda lokali, jikkonfermawlek kemm dawn ikunu lesti li jaħdmu bla mistrieħ biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Din ovjament qiegħda tikkawża problema oħra għas-sajjied Malti li minkejja li jqatta’ l-iljieli fuq il-baħar, warajh għandu wkoll familja tistennih id-dar.

Problema oħra li bħala sajjied innota, huwa l-fatt li sfortunatament, snin ilu kien hawn id-drawwa li s-sajjied jaqbad il-ħut bl-istaġun, iżda llum għandek dawn il-ħaddiema li qegħdin jaqbdu kull ħuta li ġġib il-qliegħ bil-konsegwenza li hawn ħut li lanqas qed ikollu ċans ibid u jakkumula. Spjegalna li għalkemm din mhix xi forma ta’ illegalità,  tista’ tkun ta’ theddida għall-popolazzjoni ta’ numru ta’ speċi li sa numru ta’ snin ilu, is-sajjied kien “jaqla’ lira tajba minnha fl-istaġun tagħha”. 

Rigward l-appoġġ tal-gvern fejn jidħol is-sajd, għalkemm ma jistax jilmenta li ma ngħatawx għajnuna, is-sajjied qalilna li hemm mod u mod kif tgħin lil dak li jkun. 

B’reazzjoni għall-aħbar li ngħatat fl-aħħar jiem rigward l-installazzjoni ta’ tmenin pilastru tad-dawl u l-ilma għas-sajjieda, qalilna li għalkemm it-tajjeb jibqa’ tajjeb, ikun aħjar li niffukkaw fuq l-għajnuna li tista’ tgħinu jkompli bis-sengħa tiegħu fuq il-baħar. Huwa qal li l-aħbarijiet m’għandhomx jiffukaw fuq dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali li huma tajbin, iżda fuq bżonnijiet li jiddeterminaw l-għajxien tas-sajjieda u li jissalvagwardja lil dawk li qegħdin fix-xifer biex iwarrbu minn din l-industrija għax mhumiex ikampaw. 

Hawnhekk kellu kliem ta’ tifħir rigward il-ħidma tal-gvern biex jintlaħaq ftehim biex jitraħħas il-prezz tal-fuel, għajnuna deskritta ferm u ferm iżjed importanti mis-sajjied. Huwa qal li fl-aħħar mill-aħħar l-aktar importanti biex ikampa fil-ħidma tiegħu u li jsib ħut biżżejjed x’jaqbad u li meta jdaħħal idejh fil-but isib biex jmantni lil familtu.

Ekonomija

Sport