Saturday, December 21, 2024

“Bżonn ta’ għajnuna mill-UE biex tindirizza impjiegi u qgħad”

Aqra wkoll

L-MPE Miriam Dalli tinsisti fuq xibka ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, self-employed u negozji żgħar

Skemi immirati biex jindirizzaw dħul minimu u l-qgħad jistgħu jgħinu familji, ħaddiema, self-employed u negozji żgħar mingħajr sorsi ta’ dħul suffiċjenti.

Bħala parti mill-grupp ta’ ħidma tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li qed jaħdem fuq miżuri biex jindirizzaw l-impatt ta’ COVID-19 fl-Unjoni Ewropea, l-MPE Laburista Miriam Dalli qed tinsisti fuq xibka ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, self-employed u negozji żgħar.

Waqt li ppreżentat il-prijoritajiet tal-S&D, l-MPE Maltija sejħet fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tniedi skema ta’ dħul minimu temporanju Ewropew biex tappoġġja lil dawk li qegħdin f’impjieg prekarju f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Hija ħeġġet ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tħaffef il-proposta tagħha għal fond Ewropew – magħruf bħala l-iskema ta’ benefiċċji tar-riassigurazzjoni tal-qgħad – biex tissupplimenta l-benefiċċji nazzjonali tal-qgħad.

“B’dawn il-miżuri li jikkomplimentaw il-ħidma li qed jagħmlu pajjizi bħal Malta, iċ-ċittadini Maltin, Għawdxin u Ewropej ikunu jistgħu jserħu moħħhom illi l-Unjoni Ewropea verament qedgħa hemm fil-mumenti iebsin,” qalet Miriam Dalli. Qalet li il-pressjoni fuq ir-riżorsi se tiżided ġialadarba mhux ċar kemm se ddum din il-pandemija.

Miriam Dalli sejħet biex dawn il-prijoritajiet ikunu inklużi fi proposti li l-Parlament Ewropew se jkun qed jippreżenta għall-pandemija COVID-19, liema pakkett ta’ proposti se jiġi vvutatat matul il-plenarja li jmiss tal-Parlament Ewropew, fis-16 ta’ April.

Meta indirizzat laqgħa virtwali tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 150 Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli insistiet li l-S&D għandu jkun fuq quddiem biex jiżgura li ma jitħalla l-ebda spazju biex tikber il-qasma bejn l-Ewropa ta’ fuq u ta’ isfel, bil-pajjiżi tan-Nofsinhar jitħallew waħedhom. 

“Għandna niżguraw li nħarsu l-ħaddiema tagħna. Fl-Istati Membri kollha tagħna, il-gruppi l-iktar vulnerabbli huma l-kostitwenti tagħna stess, ħaddiema li qed jiffaċċjaw il-possibiltà li jitkeċċew,” qalet Miriam Dalli.

“Barra minn inizjattivi nazzjonali, neħtieġu skemi li jipprovdu xibka protettiva għall-ħafna ħaddiema li qed jiffaċċjaw żminijiet diffiċli u garanzija Ewropea biex tappoġġja ħaddiema li sfaw bla xogħol.”

Riċerka mwettqa fl-2014 mill-Parlament Ewropew sabet li, kieku matul il-krizi ekonomika tal-2008 giet skattata skema’ ta’ qgħad komuni fl-Ewropa, it-telf fil-GDP tal-Istati Membri affettwati kien ikunu inqas b’€ 71 biljun, ekwivalenti għal madwar €17-il biljun fis-sena.

Minkejja l-pressjoni tal-Parlament Ewropew f’dawn l-aħħar snin, kien biss f’Ottubru li għadda li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tippreżenta proposta dwar l-iskema ta’ riassigurazzjoni tal-qgħad tal-UE.

Ekonomija

Sport